Bħalma jiġri kull sena, fis-27 ta’ Jannar il-Parlament Ewropew fakkar Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst li fih jimmarka l-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrament Nazista ta’ Auschwitz fl-1945.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola f’diskors qalet li llum il-ġurnata antisemitiżmu jinfirex aktar malajr minn qatt qabel u dan minħabba d-dinja llum saret waħda diġitali. Qalet li tiftakar l-Olokawst ifisser li tiffaċċja l-mibegħda kull fejn tidher – qabel ma titħalla terġa’ trabbi l-għeruq.
“Għax jekk ‘Qatt Iktar’ għandu jfisser xi ħaġa, irid jiggwida l-għażliet li nagħmlu llum u l-Ewropa li nagħżlu li nibnu flimkien,” qalet Metsola.
Fost dawk li tkellmu kien hemm Tatiana Bucci li flimkien mal-familja tagħha kienu ttieħed fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fl-1944.
Hija qalet kif hi u oħtha Andra li hija tewmija tagħha flimkien ma’ ħuhom Sergio ma ntbatux fil-kmamra tal-gass. “Drajt dik il-ħajja… u ndunajt li kont Lhudija billi smajt lill-gwardji tagħna jitkellmu li aħna konna Lhud. Għalkemm kont drajt dik il-ħajja, dik ma kienet ħajja xejn kienet mewt,” qalet Bucci.
It-tieni darba li ġew salvati minn ħalq il-mewt kienet meta gwardjan tal-kamp wissihom bil-moħbi li meta se jiġu mistoqsija jekk ridux imorru ħdejn ommhom, huma m’għandhomx iwieġbu.
Wara li nħelsu mill-kamp tal-konċentrament, Tatiana u Andra ttieħedu f’ofrni fir-Renju Unit qabel ma reġgħu ingħaqdu mal-ġenituri tagħhom fl-Italja f’Diċembru tal-1946.

