Friday, June 20, 2025

Il-PE jiddeċiedi dwar regoli li jipproteġu t-tfal minn abbużi sesswali, esplojtazzjoni u abbuż materjali fuq pjattaformi online u permezz tal-AI

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew ivvota sabiex tiġi aġġornata Direttiva b’regolamenti ntiżi sabiex jiġu miġġielda l-abbuż sesswali, l-esplojtazzjoni u l-abbuż materjali tat-tfal.  Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba, wieħed mir-rapporteurs fuq leġislazzjoni fuq l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal Online, tkellem fuq dan is-suġġett waqt dibattitu f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Dan it-tibdil sabiex isaħħaħ id-Direttiva jindirizza emerġenza.  L-esplojtazzjoni tat-tfal online qed jiżdied.  Ċifri min-National Center for Missing and Exploited Children (NCMEC) fl-Amerka juru li l-każijiet irrapurtati madwar id-dinja żdiedu bil-bosta mill-pandemija ‘l hawn u issa jlaħħqu 29.2 miljun każ, li jinvolvu 63 miljun ritratt u video.

L-MPE Laburista Alex Agius Saliba sostna li “bħala missier ma nistax nimmaġina reat iżjed serju minn dawk kontra t-tfal. U filwaqt li l-fatti jwerwruni, irridu naċċettaw il-fatt li l-abbuż sesswali fuq it-tfal qiegħed jiżdied.”

Permezz tad-Direttiva l-ġdida, l-Unjoni Ewropea se tieħu azzjoni b’mod li jirrifletti r-realtà ġdida fejn l-intelliġenza artifiċjali (AI) u pjattaformi diġitali qed jiżvolġu rwol important fit-trawwim tal-minuri u qed jiffaċilitaw l-abbuż mit-tfal.

Barra minn hekk, id-Direttiva se testendi l-perjodi ta’ preskrizzjoni sabiex tagħti lill-vittmi iktar ċans sabiex jirrapurtaw l-inċident u tiżgura li titwettaq ġustizzja għal kull reat, anki meta jkunu ġew imwettqa bosta snin ilu.

Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista qal:  “Irridu nagħrfu kif  l-imħuħ wara dan l-abbuż qed jużaw l-AI sabiex jipproduċu iktar materjal t’abbuż, u kif qed jużaw l-AI bħala għodda sabiex irawmu t-tfal għall-abbuż.  Din ir-realtà qed niltaqaw magħha anki f’Malta.  Familja riċentement avviċinatni dwar każ fejn it-tifla tagħhom ġiet irrikattata b’materjal espliċitu tagħha ġġenerat permezz tal-AI.  Il-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija, li huma s-sidien tal-pjattaformi diġitali, għandhom responsabbiltà kbira sabiex jipproteġu l-minorenni mir-riskju li jispiċċaw fil-mira ta’ min jabbuża mit-tfal.  Għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb il-prodotti tagħhom!”

Punt kruċjali f’din id-Direttiva Ewropea huwa li se tiżdied il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet tal-iStati Membri li jinfurzaw il-liġi.  Sabiex jiġi miġġieled l-abbuż b’mod effettiv jeħtieġ li jiġu nvestigati iktar każijiet, ikun hemm iktar skambju t’informazzjoni bejn il-pajjiżi u jiġu nfurzati aħjar il-liġijiet eżistenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport