Friday, September 12, 2025

Il-PE jinsisti fuq għajnuna għal Gaża, il-ħelsien tal-ostaġġi u l-ġustizzja

Aqra wkoll

F’riżoluzzjoni adottata l-Ħamis, il-Parlament Ewropew esprima “allarm” serju dwar il-kriżi umanitarja “katastrofika” f’Gaża u appella għal azzjoni urġenti tal-Unjoni Ewropea. 

Il-PE ikkundanna bil-qawwa t-tfixkil tal-għajnuna umanitarja min-naħa tal-Gvern Iżraeljan, li qed joħloq karestija fit-Tramuntana ta’ Gaża, u talab li jinfetħu l-fruntieri rilevanti kollha. Appella wkoll biex jitreġġgħu b’mod urġenti l-mandat u l-finanzjament sħiħ tal-UNRWA, b’sorveljanza robusta, u jopponi s-sistema attwali ta’ distribuzzjoni tal-għajnuna.

Il-Membri tal-PE saħqu li huma allarmati bin-nuqqas serju ta’ ikel u malnutrizzjoni li qed jirriżultaw minn għajnuna umanitarja ristretta u enfasizzaw il-ħtieġa urġenti għal aċċess sħiħ, sigur u mingħajr xkiel għal elementi essenzjali bħall-ikel, l-ilma, il-provvisti mediċi, u l-kenn. Huma jitolbu r-restawr immedjat tal-infrastruttura vitali u jappellaw lill-partijiet kollha biex jirrispettaw l-obbligi umanitarji tagħhom skont id-dritt internazzjonali. 

Il-Membri tal-PE talbu għal waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti u l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi Iżraeljani kollha miżmuma f’Gaża. Huma ħeġġew lill-UE biex teżerċita influwenza diplomatika fuq pajjiżi terzi biex jagħmlu pressjoni fuq il-Ħamas biex jiżgura l-ħelsien tagħhom.

Il-Parlament ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli d-“delitti barbari” mwettqa mill-Ħamas kontra Iżrael u appella għal sanzjonijiet konkreti kontra l-grupp terroristiku. Huwa tenna l-impenn tiegħu għas-sigurtà ta’ Iżrael u d-“dritt inaljenabbli tiegħu għall-awtodifiża” f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, filwaqt li nnota li Iżrael jibqa’ sieħeb ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu reġjonali.

Madankollu, il-Membri tal-PE enfasizzaw li d-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu ma jistax jiġġustifika azzjoni militari “indiskriminata” u saħqu li huma mħassba dwar l-operazzjonijiet militari kontinwi fl-Istrixxa ta’ Gaża, li wasslu għal tbatija tremenda għall-popolazzjoni ċivili, filwaqt li kkundannaw ukoll l-użu mill-Ħamas ta’ ċivili bħala tarki umani.

Investigazzjoni dwar il-ksur tad-dritt internazzjonali

Ir-riżoluzzjoni approvat id-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni li tissospendi l-appoġġ bilaterali tal-UE lil Iżrael, u li tissospendi parzjalment il-ftehim bejn l-UE u Iżrael fir-rigward tal-kummerċ. Il-Membri tal-PE jridu li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar id-delitti tal-gwerra u l-ksur tad-dritt internazzjonali kollha, u biex dawk kollha li huma responsabbli jinżammew responsabbli. Il-Parlament appoġġj wkoll is-sanzjonijiet tal-UE kontra l-kolonizzaturi u l-attivisti Iżraeljani vjolenti fix-Xatt tal-Punent okkupat u f’Ġerusalemm tal-Lvant u jappella għal sanzjonijiet fuq il-ministri Iżraeljani Bezalel Smotrich u Itamar Ben-Gvir.

Appoġġ għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati

Il-PE ħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-istati membri biex jieħdu passi diplomatiċi biex jiżguraw impenn għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, bil-għan li jsir progress quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Settembru. Huwa enfasizza l-ħtieġa għad-demilitarizzazzjoni totali ta’ Gaża u l-esklużjoni tal-Ħamas mill-governanza, filwaqt li jappella biex terġa’ tiġi stabbilita Awtorità Palestinjana riformata bħala l-uniku korp governattiv. Il-Ħamas u gruppi terroristiċi oħra għandhom jitilfu l-kontroll politiku u militari kollu f’Gaża, jgħidu l-Membri, li jħeġġu wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jinfurzaw il-mandati ta’ arrest tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Skont il-Parlament, it-twaqqif ta’ Stat Palestinjan huwa kruċjali għall-paċi, is-sigurtà tal-Iżrael, u n-normalizzazzjoni reġjonali. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jirrikonoxxu l-Istat tal-Palestina, huwa jikkonkludi, bil-ħsieb li tiġi implimentata s-soluzzjoni ta’ żewġ stati.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 305 voti favur, 151 kontra u 122 astensjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport