Għall-ewwel darba fl-istorja, kull grupp politiku fil-Parlament Ewropew, irrikonoxxa l-isfidi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin, u ta’ sħabhom sajjieda minn pajjiżi tal-Mediterran, fid-dawl ta’ aggressjonijiet minn sajjieda ta’ pajjiżi terzi.
Issa li din il-liġi se tkun qed tgħaddi għal fażi oħra, ir-Rapporteur Thomas Bajada, f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, qed jingħata mandat b’saħħtu mill-Parlament Ewropew sabiex jinnegozja – bil-pożizzjoni tal-Parlament tkun waħda kommessa li s-settur tas-sajd fl-Unjoni jkun aktar ġust u sostenibbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi tas-sajjieda lokali, kif ukoll dawk fil-Mediterran. Dan fost l-oħrajn, permezz ta’ azzjoni diretta li tinidirizza l-impatt negattiv kawża tal-aggressjonijiet minn sajjieda li mhux qed jiġu kkontrollati mill-pajjiżi terzi, hekk kif mitlub mill-liġi internazzjonali.
Dawn ir-regolamenti li tressqu minn Bajada, li huma l-aktar forma għolja ta’ liġi Ewropea, se jagħtu lill-Unjoni Ewropea l-għodod meħtieġa sabiex tieħu azzjoni kontra pajjiżi terzi li ma jikkoperawx fejn jidħol l-immaniġjar sostenibbli tas-sajd kondiviż.
S’issa, dawn ir-regolamenti, kienu japplikaw għall-ibħra tat-Tramuntana. Permezz tar-rapport tal-MPE Thomas Bajada, dawn se jinkludu l-Mediterran, u lil pajjiżna – li huma tant milqutin minn dawn il-prattiċi mhux sostenibbli minn pajjiżi terzi.
Għal snin twal, is-sajjieda fil-Mediterran kienu minsija. Bil-ħatra tal-ewwel MPE Malti fil-Kumitat PECH, Thomas Bajada qed jara li jinbidel l-approċċ, hekk kif il-baħar Mediterran, issa jinsab fuq nett tal-aġenda – b’għadd ta’ regolamenti li jassiguraw li l-isfidi tas-sajjieda f’dan ir-reġjun jiġu indirizzati. Dan huwa wkoll pass ‘il quddiem, għal aktar sostenibiltà tal-ħut, u protezzjoni tas-sovrenità tal-ikel fl-Ewropa.
Dan filwaqt li l-vot tal-kumitat jirrappreżenta l-ewwel pass fil-proċess leġiżlattiv li jawtorizza n-negozjati interistituzzjonali mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja, liema negozjati se jkunu mmexxija minn Bajada f’isem il-Parlament Ewropew.
“Il-Parlament huwa maqgħud b’sejħa ċara: qed niddefendu s-sovrenità tal-ikel fl-Ewropa u r-realtajiet tas-sajjieda ż-żgħar tagħna, filwaqt li nibgħatu messaġġ b’saħħtu lil pajjiżi terzi li prattiċi mhux sostenibbli fis-settur tas-sajd mhux se jkunu ttollerati. Ninsab kburi li qed immexxi din il-ġlieda ‘l quddiem f’isem is-sajjieda kollha madwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk li kienu minsijin għal snin twal”, żied jgħid Bajada.
Dawn ir-regolamenti, jistabbilixxu kriterji legali ċari li jidentifikaw lill-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli, u li jintroduċu proċeduri għall-Unjoni sabiex taddotta miżuri ta’ rispons aktar b’saħħitu u f’waqqtu fil-qasam tal-kummerċ.
Din il-politika torbot il-politika Ewropea b’rabta mas-sajd, mal-miri ambjentali, soċjali u ekonomiċi, filwaqt li ssaħħaħ l-irwol tal-Unjoni bħala mexxej globali fil-qasam tal-Governanza tal-Baħar.
Issa li din il-liġi se tkun qed tgħaddi għal fażi oħra, ir-Rapporteur Thomas Bajada, qed jingħata mandat b’saħħtu mill-Parlament Ewropew sabiex jinnegozja – bil-pożizzjoni tal-Parlament tkun waħda kommessa li s-settur tas-sajd fl-Unjoni jkun aktar ġust u sostenibbli.