Fil-jiem li ġejjin il-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota fuq rapport li permezz tiegħu jitlob regoli aktar b’saħħithom biex iħares lit-tfal mill-perikli pjattaformi soċjali kif ukoll mid-dipendenza li dawn qed joħolqu. Dan hekk kif studju dettaljat dwar dan is-suġġett wera kif l-ambjent diġitali evolva b’rata ferm aktar mgħaġġla mis-salvagwardji eżistenti li hemm biex jitħarsu l-persuni taħt l-età.
Element importanti tal-proposti tal-Parlament Ewropew huwa età minima madwar l-Unjoni Ewropea kollha għall-aċċess għall-mezzi soċjali. Ir-rapport kif approvat mill-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-suq intern u l-ħarsien tal-konsumatur, jinsisti li tfal taħt it-tlettax-il sena b’ebda mod m’għandhom jaċċessaw il-media soċjali, filwaqt li dawk bejn 13 u 16-il sena għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan biss bil-kunsens tal-ġenituri.
Barra kwistjonijiet anagrafiċi, l-MEPs iridu projbizzjonijiet kontra ċertu aspetti dannużi tal-pjattaformi soċjali, fosthom l-użu ta’ algoritmi li jħeġġu lit-tfal u saħansitra jippremjahom meta jdumu aktar online, kif ukoll l-iskrolling infinit fuq l-istess pjattaformi bħal Facebook, Tiktok, Instagram u oħrajn. Barra minn hekk, ir-rapport jitlob ukoll aktar infurzar ta’ liġijiet eżistenti dwar chatbots manipulattivi.
Għall-MEP Soċjalista Christel Schaldemose, ir-rapporteur ta’ dan ir-rapport, il-prinċipji bażiċi tal-proposti mressqa huma msejsa fuq ġustizzja u kontabbiltà. Waqt konverżjazzjoni ma’ numru ta’ ġurnalisti u content creators fi Brussell, hija spjegat kif il-pjattaformi soċjali huma mibnija primarjament bl-iskop li jżommu l-utenti kontinwament fuqhom.
Skont stħarriġ riċenti, l-EU Kids Online Survey, tifel jew tifla minn kull għaxra ta’ bejn id-disa’ u s-sittax-il sena jiġu bbuljat fuq l-Internet kull xahar, filwaqt li bosta oħra rrappurtaw espożizzjoni għal kontenut dannuż fosthom diżinformazzjoni u esplojtazzjoni sesswali. B’mod partikolari, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, fi studju ddettaljat sab kif aktar min-nofs it-tfal iltaqgħu ma’ xi forma ta’ periklu sesswali fuq l-Internet. Din il-problema qed issir aktar serja hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tippermetti l-manipulazzjoni ta’ stampi u l-ħolqien ta’ ritratti u vidjos tant realistiċi li faċilment iqarrqu bit-tfal. Minkejja dan, il-Parlament innota kif il-pjattaformi soċjali naqsu milli jimplimentaw salvagwardji xierqa.
Ir-rapport jitlob ukoll miżuri fuq prattiċi dannużi fil-logħob elettroniku mmirat għat-tfal li joffru mekkaniżmi simili għal-logħob tal-azzard, li jkomplu jespondu lit-tfal għall-manipulazzjoni, pressjoni psikoloġika u ħin eċċessiv fuq l-iskrin.
Waqt id-diskussjoni mal-ġurnalisti, Schaldemose kienet kategorika: “Aħna ma rridux inżommu lit-tfal ‘il bogħod mill-għodda diġitali, iżda rridu noffrulhom spazji siguri li jħarsu d-drittijiet u l-benesseri tagħhom”.
Il-Parlament Ewropew se jkun qed jivvota fuq biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, fl-aħħar sessjoni plenarja għax-xahar ta’ Novembru, skedata bejn l-24 u s-27 ta’ Novembru.


