Meta nhar l-Erbgħa li ġej titlaqqa’ s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, il-membri parlamentari mistennija jivvutaw dwar riżoluzzjoni li tiddikjar lir-Russja bħala stat li jinkoraġixxi t-terroriżmu.
Dan fil-kuntest illi fil-gwerra kontra l-Ukrajna, il-militar Russu intensifika l-attakki u l-miri tiegħu fuq entitajiet ċivili, inklużi infrastruttura tal-enerġija, sptarijiet, faċilitajiet mediċi, skejjel u xelters. Il-militar Russu b’hekk qed jiġi dikjarat li kiser il-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali.
B’din ir-riżoluzzjoni li r-Russja tinkoraġixxi t-terroriżmu, il-parlamentari Ewropej iridu jħejju t-triq biex Putin u l-gvern tiegħu jinżammu responsabbli għal dawn ir-reati quddiem tribunal internazzjonali.
Id-dibattitu dwar din ir-riżoluzzjoni sar matul is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru li għadda.