Wednesday, December 25, 2024

Il-penalty fallut minn Harry Kane kontra Franza jkompli jħalli lill-Ingilterra fil-limbu

Aqra wkoll

Fil-mument li r-referee Brażiljan, Wilton Sampaio, mar jivverifika mal-mo­nitor wara li, fl-84 minuta, Mason Mount ġie mwaqqa’ fil-kaxxa Franċiża minn Theo Hernandez … biex imbagħad ipponta lejn il-penalty-spot u allura penalty favur l-Ingilterra, il-partitarji Ingliżi bdew jiċċe­lebraw hekk kif kellhom ċans tad-deheb li l-partita tmur fil-ħin barrani minħabba li kienu fl-iżvantaġġ ta’ 2-1. 

Dan wasal wara li fl-54 minuta, Harry Kane kien kiseb id-draw momentarju mill-11-il metru meta xeħet lill-kollega tiegħu fit-team ta’ Tottenham Hotspur, il-goalkeeper Hugo Lloris, fuq in-naħa l-ħażina. 

U f’dak il-mument kull partitarju kellu fiduċja netta li Kane kien se jirrepeti l-istess ħaġa. Il-penalty li skorja, Kane laħaq ir-rekord ta’ Wayne Rooney tal-aqwa skorer ta’ kull żmien tal-Ingilterra b’total ta’ 53 goal. 

Għaldaqstant, DAN il-penalty kien ipoġġi lill-istess Kane bħala l-aqwa skorer tal-Ingilterra.

Iżda ġara li ħadd ma kien qed jistenna! 

F’dak il-mument għajnejn id-dinja kienet kollha fuq Harry Kane. Deher ftit nervuż. Il-kalma quddiem il-goalkeeper avversarju li ddefinxxiet il-karriera tiegħu … f’dak il-mument … abbandunatu. 

Il-captain tal-Ingilterra ħa l-ġirja … kull partitarju Ingliż żamm in-nifs … biex ikun lest jgħajjat dik l-għajta ta’ “goal” …. iżda x-xutt tiegħu spiċċa ferm għoli mil-lasta … fejn ħalla lill-partitarji Ingliżi bla nifs … ħadd ma seta’ jemmen x’ra quddiemu … ħafna kienu dak li nfexxu jibku … ħafna kienu dawk li baqgħu b’rashom baxxuta … ħafna baqgħu bla kliem … biex fl-isfond seta’ jinstema l-għajjat ta’ ferm minn dawk Franċiżi … u bl-arloġġ itektek sa tmiem il-konfront … it-tamiet tal-Ingilterra bdew itiru mar-riħ … sakemm mietu għal kollox!!

Dan il-mument ikrah iddefinixxa l-karrie­ra ta’ Kane. Il-kapaċitajiet tiegħu qatt ma kienu taħt il-mikroskopju għax kulħadd jaf li hu skorer prolifiku. Huwa wieħed mill-aqwa players tal-ġenerazzjoni tiegħu fejn huwa wkoll l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Tottenham. 

Peró, huwa għadu qatt ma wera l-abbiltá tiegħu fl-aktar mumenti importanti kemm għal Tottenham kif ukoll għall-Ingilterra. 

Il-kabinett tat-trofej tiegħu għadu vojt u l-lista ta’ logħbiet ta’ profil għoli li fihom  naqas li jagħmel id-differenza tkompli tikbar kull sena. 

Huwa kien it-tama tal-Ingilterra … iżda dak il-penalty fallut kompla ħalla lil pajjiżu fil-limbu fuq il-palk internazzjonali … b’diżappunt li mhux se jintesa malajr.   

Ekonomija

Sport