Ma nixtieqx ninħass li qed nikkritika lill-ġurnal li għadu parti minn ħajti, l-orizzont. Imma, iva rrid ngħid li ħassejtni sorpriż meta aħbar mill-isbaħ li ta l-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ħadd l-1 ta’ Marzu 2026 fin-Naxxar ridt tfittixha b’lenti biex issibha. Kienet mitluqa bħala parti minn rapport ta’ diskors.
Ħalli nikkwotalek eżatt dak rappurtat minn l-orizzont f’nofs rappurtaġġ twil f’paġna 3 nhar it-Tnejn, 2 ta’ Marzu 2026. Ingħad hekk: Dr Abela tkellem ukoll dwar il-pensjonanti u qal li issa wasal iż-żmien li dawn igawdu aktar mill-frott tal-ħidma tagħhom. F’dan il-kuntest spjega li se tidħol fis-seħħ miżura li tippermetti lil dawk il-pensjonanti li għandhom dħul ieħor, bħal kirjiet jew xogħol part-time, mhux se jħallsu taxxa b’avviż legali ġdid li se jidħol fis-seħħ, bil-għan li jiffrankaw eluf kbar ta’ ewro f’taxxa.
Fl-opinjoni tiegħi aħbar bħal din kien ħaqqha prominenza qawwija fiha nnifisha. Qed nitkellmu dwar sezzjoni tal-popolazzjoni, il-pensjonanti, li jingħad x’jingħad, ried ikun DEJJEM Gvern Laburista biex irrikonoxxa ħidmiethom. Kull wieħed u waħda minna nafu li mis-sena 2013 lil hawn Gvern Laburista f’kull budget żied il-pensjonijiet meta Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti l-pensjonijiet iffriżawhom. U meta bdew jagħtu xi ħaġa biex tikkumpensa għall-għoli tal-ħajja dik iż-żieda lill-pensjonant lanqas tawhielu kollha.
Qed nikkummenta b’dan il-mod għax irrid infakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem trattaw lill-pensjonant bħala piż filwaqt li jnessu li meta l-pensjonant kien attiv fid-dinja tax-xogħol kien ikun qed jikkontribwixxi għall-pensjonant ta’ dakinhar.
Min-naħa l-oħra lanqas inlum sa barra lit-tmexxija ta’ l-orizzont li forsi ma ratx l-importanza li qed nara jien f’din l-aħħar miżura favur il-pensjonanti. Ma nlumx għax illum il-pensjonant, sakemm hemm Gvern Laburista, għandu garanzija li l- benefiċċji favur tiegħu jiżdiedu jistgħu, kif seħħ, u mhux jitħalla jaqa’ lura kif tħalla taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Ejjew ma naqgħux fl-iżball li tant drajna bil-benefiċċji tas-servizzi soċjali kif indukrati minn Gvernijiet Laburisti li bħal donnu m’aħniex napprezzaw biżżejjed. Stedina waħda biss nagħmel lil kulħadd: Qabblu s-sitwazzjoni tal-pensjonant Malti u Għawdxi ma’ pensjonant F’KULL PAJJIŻ EWROPEW u għiduli x’issibu. Nistenna mingħandkom.

