“Imma kif temmnuhom? Tlett kwarti mill-istejjer li jgħidu gideb. Jien kont il-Libja u t-Tuneżija, Qatt ma rajt dak li jgħidu. Jivvintaw l-istejjer biex nitħassruhom. Ma nafx għaliex taqbżu għalihom? Taf jekk dawn hux kriminali? Taf x’għamlu f’pajjiżhom, għaliex ħarbu? Qegħdin jaħarbu l-ġustizzja dawn? U kif in-nisa kollha tqal jiġu? Taf li qed jimlewna? Taf li qed jitwieldu aktar minn tagħhom milli minn tagħna? Fuq dawn ikteb mela biex indaħħluhom”.
Dan kien li qalli persuna waqt li kont qed nieħu kafe f’post fl-apert. Mistoqsijiet waħda wara l-oħra ta’ persuna mimlija perċezzjonijiet fuq dawn il-persuni. Dikjarazzjonijiet fuq in-nisa li jivvjaġġjaw li għamilhom propju ftit jiem qabel ġie ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Mara. Kif jiġri kważi dejjem, ma jkunx lest jisma’ ir-risposta. Dlonk immedjatament jitlaq ‘lhemm b’xi dikjarzzjoni kkulurita ma tonqosx.
Iffaċċjat b’dan ma stajtx ma nitkellimx fuq stejjer ta’ nisa li ħarbu. Dak li għaddew minnu. Stejjer ta’ nisa rakkontati lil Lucille, li hi parti mill-organizazzjoni SOS Mediterranean u li taħdem biex issalva l-immigranti. Storja ta’ mara, Shararah, mill-Afganistan li kienet tipprattika sports li bit-Talibani dan mhux permess. L-istorja ta’ Aisha li ġġieldet għad-drittijiet tan-nisa fil-Kamerun u spiċċat persegwitata.
Dawn kienu persuni li x-xorti daħkitilhom u kienu salvati. Ħafna oħrajn minkejja stejjer ta’ taqtiegħ il-qalb jispiċċa b’push back lejn il-Libja. Oħrajn il-vjaġġ jintemm f’nofs ta’ baħar.
Shararah qasmet il-baħar biex tkun tista’ tgawdi id-drittijiet tagħha. Shararah, kienet tipprattika l-isport ta’ Muay Thai. Kienet tgħix fl-Afganistan u Shararah minn dejjem kienet miġbuda lejn dan it-tip ta’ sport. Fi kliemha stess, ‘Il-Muay Thai hu sports li għalih trid is-saħħa. Fl-Afganistan it-tfajliet ma jmorrux skola u lanqas jistgħu jipprattikaw sports. Ommi imma dejjem kienet tappoġġjani. Kien taf li għandi passjoni kbira għal dan l-isport u kienet temmen fija. Meta t-Talibani reġgħu rritornaw fil-poter proprju ftit snin ilu kollox reġa’ inbidel’”, tgħid Shararah.
Kellha tiddeċiedi x’tagħmel. Biex ikollhom futur, Shararah, ir-raġel tagħha u t-tifla tagħhom kellhom jieħdu d-deċiżjoni l-aktar iebsa. Ma kellhomx triq oħra ħlief li jirriskjaw kollox u jipprovaw jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa. Kellha ħafna ħolm. Ibda minn dak li ssir tabiba jew pilota sax-xewqa li terġa’ tibda tiġġieled permezz tal-isports Muay Thai.
“Minħabba l-passjoni li kelli għal dan l-isport kont ivvjaġġajt lejn it-Tajlandja u anke mort fl-Istati Uniti. Kont nitħarreġ ma’ Shukria Bahmani, li kienet rebbieħa ta’ midalja tad-deheb f’dan l-isport. Kont ħadt sehem f’madwar erbgħin kompetizzjoni. Fis-sena 2016, jien kont l-ewwel mara mill-Afganistan li irbaħt midalja tal-fidda. Kont kburija ħafna biha. Iltqajt mar-raġel tiegħi f’kompetizzjoni fl-Afganistan. Ġie jarani niġġieled. Spiċċajna iżżewwiġna u għadna tifla. It-tifla tagħna twieledet fit-Turkija fis-sena 2021.”
Shararah ġejja mill-grupp etniku ta’ Hazara, li hu minorita fl-Afganistan li huma ippersegwitati mill-ġellieda Talibani. Hi titkellem fuq il-oppressjoni tan-nisa fl-Afganistan.
Minħabba dan hi kellha taħrab mill-Afganistan mar-raġel tagħha. Ir-raġel kien sab xogħol f’Aksaray fit-Turkija. Hi għandha tattoo f’idejha ta’ arloġġ u meta tistaqsiha dwaru hi tibda tibki.
Tgħidlek li “għaddejna tlett snin fit-Turkija, qabel iddeċidejna li nagħmlu l-vjaġġ bil-baħar. Tlifna ħafna ħin hemm. Jien ma stajtx nitħarreġ f’dan l-isport. Għalija dan l-isport kienet importanti ħafna. Bdejt inħossni imdejqa ħafna”.
Bdew iġemmgħu kemm jistgħu flus u dan biex ikollhom biżżejjed biex iħallsu il-vjaġġ bil-baħar. “Fuq dik id-dgħajsa jien bdejt inħoss li se nmut. Kemm jien u kemm it-tifla konna ħażin ħafna.” Finalment huma kienu salvati minn SOS Mediterranee u ddaħħlu f’Ravenna f’Diċembru li għadda.
L-istorja ta’ Aisha..
Aisha għandha 39 sena u kienet tgħix f’Douala fil-Kamerun. Hi kienet taħdem u tikkampanja ħafna kontra l-vjolenza kontra in-nisa f’pajjiżha. Minħabba l-ħidma li kienet involuta fiha bħala attivista għad-drittijiet tan-nisa hi kienet arrestata u ttorturata. Minħabba dan ma kellhiex għażla oħra ħlief li titlaq minn pajjiżha.
L-eżilju tagħha minn pajjiżha l-ewwel ħadha r-Russja u wara ippruvat tibni ħajja ġdida fil-Libja.
Kien fl-20 ta’ Jannar li flimkien ma’ bintha ta’ sena, hi kienet evakwata minn fuq dinghi iffullat fiż-żona ta’ salvataġġ Libjana.
Hi tgħid li “kont naħdem f’ħanut żgħir. Kont attiva f’organizazzjoni partikolari li kienet tgħin persuni li jkunu ġew affettwati minn kunflitti. Rajt nisa u tfal jorqdu fl-art barra. Kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenza. Konna nippruvaw ngħinuhom bl-aħjar mod li nistgħu”.
“Kien fit-8 ta’ Marzu meta fil-Jum Internazzjonali tal-mara, jien flimkien ma’ nisa oħra inżilna fit-toroq. Lebsin l-iswed. Kienet protesta. F’dik il-ġurnata kienet saret sejħa mill-mara tal-President biex in-nies jilbsu kkulurit u jiċċelebraw. Imma għalija u għall-kollegi tiegħi, ma kienx hemmx x’tiċċelebra. Kien hemm wisq nisa u tfal isofru. Wara l-protesta spiċċajt arrestata. Tefgħumi f’ħabs u ttorturawni. Wara li jien ħarġuni mill-ħabs imma bdejt niġi mhedda. Ir-ritratt tiegħi flimkien ma’ ritratti ta’ nisa oħra li pprotestaw kien imdendel fl-għassa tal-Pulizija. Kelli kuntatt u ħrabt lejn ir-Russja. Għamilt ftit xhur hemm u wara irritornajt il-Kamerun billi dħalt mill-Ghana. Il-persekuzzjoni ma waqfitx. Iddeċidejt li naħrab. L-ewwel mort iċ-Chad u hemmhekk iltqajt ma’ xi nisa li qaluli li l-Libja nista’ insib xogħol. Fil-Libja ħdimt bħala mara tad-dar u anke kont nieħu ħsieb it-tfal. Fil-Libja il-ħajja kienet diffiċli ħafna. Kienet tal-biża’. Sofrejt vjolenza estrema u kelli niddeċiedi li naħrab. Qbadt id-dgħajsa għal Ewropa”, tgħid Aisha li ismha hu mibdul biex jipproteġi l-identità tagħha. Finalment hi kienet salvata minn SOS Mediterranee.