Il-politika mhiex biss battalja ta’ ideali u voti, imma hija wkoll professjoni fejn il-persuna tista’ ssir vittma. Proprju ftit aktar minn xahar ilu, eżattament fl-10 ta’ Settembru 2025, il-poplu Amerikan kien f’luttu għall-qtil traġiku u mhux mistenni tal-politiku Charlie Kirk, li nqatel b’tir f’għonqu waqt diskussjoni pubblika ma’ studenti fl-Università ta’ Utah – avveniment organizzat minn Kirk stess biex jippromwovi d-djalogu miftuħ u l-ħsieb kritiku.
Din it-traġedja seħħet ftit ġimgħat biss qabel il-Jum Nazzjonali tal-Ħsieb Liberu.
Il-qtil ta’ Kirk ixxokkja lid-dinja kollha. Huwa kien magħruf mhux biss għall-ideali politiċi tiegħu, iżda wkoll għall-enfasi fuq il-familja tradizzjonali, il-valuri morali u l-ħajja komunitarja li tant kien japprezza. Kirk kien politiku intelliġenti u kariżmatiku li ried iwassal il-kelma tiegħu, jiżra l-valuri u l-prinċipji tiegħu fost iż-żgħażagħ, kif ukoll isaħħaħ il-libertà tal-espressjoni. Sfortunatament, proprju dik il-libertà li tant kien jiddefendi, siktuhielu b’mod ironiku – b’tir minn idejn persuna li ma riditx tisma’ u tirrispetta opinjoni.
Il-każ ta’ Kirk jiftaħ diskussjoni fundamentali dwar x’jiswa tassew il-ħsieb liberu f’dinja fejn il-vjolenza u l-mibgħeda qegħdin isiru għodda ta’ “argument”. F’dan il-Jum Nazzjonali tal-Ħsieb Liberu għandna nieqfu ftit u nirriflettu: il-libertà tal-espressjoni hija pilastru tad-demokrazija imma teħtieġ maturità, rispett u responsabbiltà biex tibqa’ ħajja.
L-assassinju ta’ Kirk ipoġġi quddiem kull wieħed u waħda minna realtà drammatika fejn, ’il bogħod mix-xinxilli tal-ħajja politika, kull min jidħol għal din is-sejħa jista’ jiffaċċja periklu reali. Madwar id-dinja, il-lista ta’ qtil u attentati fuq politiċi hija twila u inkwetanti. Kull wieħed u waħda minna jiftakar lil Martin Luther King u lil John F. Kennedy. Niftakru wkoll fil-qtil tal-eks Prim Ministru tal-Libanu Rafik Hariri fl-2005; sentejn wara l-eks Prim Ministru tal-Pakistan Benazir Bhutto; fl-2016 lil Jo Cox fir-Renju Unit; u fl-2021 lill-President ta’ Haiti Jovenel Moïse li nqatel fil-proprjetà tiegħu stess. Infakku wkoll li l-President Amerikan Donald Trump is-sena l-oħra ħelisha bi sbrixx minn attentat fuq ħajtu waqt il-kampanja elettorali tiegħu.
Dawn l-avvenimenti kollha juru li l-politika mhiex biss logħba ta’ ideoloġiji jew battalja intellettwali, imma wkoll qasam fejn il-periklu jista’ jkun immedjat u fatali. Juru wkoll kemm il-lingwaġġ ta’ mibgħeda, l-intolleranza u l-estremiżmu jistgħu jsiru katalisti għall-vjolenza meta jittieħdu fil-limiti tagħhom.
F’Malta, fortunatament, il-kuntest huwa differenti. Il-politiċi tagħna qatt ma ġew mhedda b’ħajjithom b’mod dirett. Madankollu, dan ma jfissirx li ma jħabbtux wiċċhom ma’ perikli jew theddid. Illum il-vjolenza ma tidhirx dejjem f’armi jew attakki fiżiċi, imma timmanifesta ruħh wkoll fi kliem. Kliem ta’ mibgħeda, tgħajjir u kummenti tossiċi fuq il-midja soċjali li jkissru reputazzjonijiet u joħolqu tensjoni. Dawn l-attakki, għalkemm mhux fatali, jistgħu jħeġġu sentimenti estremi u jfasslu klima perikoluża ta’ intolleranza.
Għandna nifhmu li dawn l-espressjonijiet ta’ mibgħeda, għalkemm ma jidhrux li għandhom konsegwenzi immedjati, huma parti minn kultura li tqajjem estremiżmu. Huwa għalhekk li dan il-Jum tal-Ħsieb Liberu għandu jkun ukoll jum ta’ responsabbiltà kollettiva biex nagħtu spazju għal diskussjoni matura u rispettabbli, fejn l-opinjonijiet differenti ma jiġux meqjusa bħala theddida imma bħala opportunità għal tagħlim u tkabbir.
Bħal Charlie Kirk, ħafna politiċi huma ddedikati biex jaqdu lill-elettorat tagħhom. Jagħmlu sagrifiċċji personali kbar għall-komunità u għall-pajjiż. L-apprezzament u r-rispett lejn ix-xogħol tagħhom m’għandhomx ikunu biss ġest morali imma wkoll garanzija ta’ sigurtà u kontinwità fil-governanza. Soċjetà moderna u ċivilizzata għandha tagħti lok għal diskussjoni miftuħa u onesta, iżda qatt ma tista’ taċċetta li argument politiku jsir skuża għal vjolenza.
Nemmnu li bħala komunità, għandna d-dmir li nibnu diskussjonijiet responsabbli li jirrispettaw id-dinjità u l-ħajja personali ta’ kull politiku. Huwa min huwa u huwa ma’ liema naħa huwa. L-umanità ma tagħmilx distinzjoni bejn persuna u oħra imma, għandha bniedem li warajh hemm familja li tħobbu. Hemm ulied, sieħeb jew sieħba, qraba, ħbieb u anke kollegi li l-valur tal-ħajja ta’ dak l-individwu tmur lil hinn mir-rappreżentanza politika tiegħu.
Fl-aħħar mill-aħħar il-politika trid tibqa’ battalja għall-ideali imma qatt m’għandha tasal fl-estremità ta’ battalja għall-ħajja. Huwa l-vot l-għodda li jagħti lill-poplu s-saħħa biex jagħżel u mhux l-arma li tneħħi l-ħajja ta’ min ma naqblux miegħu. Irridu finalment wkoll naqblu li nistgħu ma naqblux. Imma, il-vjolenza, hija x’tip hija, indirizzata lejn min hija indirizzata, qatt mhija ġġustifikatata u wisq inqas, aċċettabbli.
Fil-Jum Nazzjonali tal-Ħsieb Liberu, ejjew nirriflettu fuq kemm il-kelma għandha s-setgħa li tibni jew teqred, li tgħaqqad jew tifred, li ssalva jew tneħħi ħajja. Għalhekk, nagħmlu minn dan il-Jum mument ta’ rispett, ta’ memorja u ta’ impenj biex kull ħsieb jibqa’ liberu u kull ħajja tibqa’ sagra.