Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem attiv f’pass ieħor mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-bidla ta’ Fort Campbell f’park nazzjonali.
Flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, Dr Abela sema’ l-ideat ta’ periti u inġiniera prospettivi li qattgħu l-aħħar tlett ijiem f’dan is-sit bejn il-Mellieħa u s-Selmun jaħdmu fuq disinn ta’ kif jimmaġinaw il-futur ta’ Fort Campbell bħala spazju miftuħ għall-familji.
Din l-attività, imtellgħa mill-għaqda SACES (Society for Architecture and Civil Engineering Students) f’kollaborazzjoni ma’ Project Green, serviet bħala workshop prattiku biex l-istudenti jiddiskutu l-ħsibijiet tagħhom għal dan il-post u jirriflettuhom fi struttura mfassla b’materjali differenti, fosthom li sabu fil-forti stess.
L-istudenti kellhom l-opportunità jispjegaw lil Prim Ministru u lil Dr Dalli l-potenzjal li jaraw fl-impenn tal-Gvern li joħloq park nazzjonali madwar Fort Campbell ibbażat fuq l-ideat tan-nies.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pajjiż illum jaffordja li, minflok jagħti art bħal din fil-Mellieħa għall-proġetti li jħallu iktar qligħ, jagħmel l-għażla favur investiment fi spazji miftuħa għall-familji. Sostna li l-istess se jsir fil-White Rocks fejn diġà bdiet l-ewwel fażi ta’ tindif u f’Manoel Island fejn jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet biex il-Gvern jieħu lura s-sit f’idejh. “Tajna kelma li dawn l-artijiet se jingħataw lura lill-familji għat-tgawdija tagħhom, u hekk se jiġri. Magħna n-nies mhux biss jafu fejn qegħdin, imma jafu fejn sejrin bħala pajjiż.”
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dawn it-tliet Parks Nazzjonali. “Illum qed naraw konsultazzjoni differenti minn dik tas-soltu. Qed niltaqgħu mal-istudenti tas-SACES, li huma l-periti ta’ għada, fejn bl-għajnuna ta’ Project Green qed jittellgħu dawn il-workshops. B’dan il-mod mhux biss qed nisimgħu l-fehmiet tagħhom, iżda qed nagħtuhom ukoll l-opportunità li jikkontribwixxu b’mod konkret għall-viżjoni ta’ kif dawn l-ispazji miftuħa jistgħu jiġu mħarsa, żviluppati u mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Fort Campbell inbena fl-1938 u kien jintuża mill-Ingliżi bħala fortizza ftit snin qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Din il-fortifikazzjoni hija waħda mill-akbar u l-aħħar strutturi difensivi mibnija mill-Ingliżi f’Malta.
Maż-żmien, iżda, il-forti tħalla mitluq u abbandunat. Issa l-Gvern ħa d-deċiżjoni li jirrestawra din l-istruttura storika u jerġa’ jagħtiha lura lill-pubbliku bħala wieħed mit-tliet Parks Nazzjonali.
Bħala parti mill-kampanja Shape Your Space, wieħed jista’ jissottometti l-ideat tiegħu dwar Fort Campbell fuq parksinmalta.mt.



