Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Kont ili niġri u nagħmel OCR għal erba’ snin, imma d-distanzi twal qatt ma kienu tant għal qalbi. Meta skoprejt il-Hyrox, ħassejt li kien l-isport perfett għalija għax stajt nagħmel ġiri f’distanza relattivament qasira u fl-istess ħin, inżid is-saħħa.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Proprju, fil-ġimgħat li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Kampjonati Dinjija tal-Hyrox f’Chicago, l-Istati Uniti flimkien ma’ Dzintra Grech. Agħtina iktar dettalji.
Jien u Dzintra Grech bdejna nikkompetu flimkien fi Frankfurt fejn ġejna fit-tielet post. Xahrejn wara, morna Turin u ġejna l-ewwel overall u l-ewwel fl-age group tagħna u minn hemm ikkwalifikajna għall-Kampjonati Dinjija. Lestejna t-tellieqa fl-aħjar ħin tagħna (1:00:36) u naqqasna iktar minn erba’ minuti mill-ħin tagħna f’Turin! Apparti minn hekk, spiċċajna fil-11-il post fl-age group tagħna u top 20 overall minn kważi 800 atleta!
X’suċċessi maġġuri oħra ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Apparti l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Dinjija li ksibt ma’ Dzintra Grech, ikkwalifikajt anke waħdi wara li mort il-Polonja u naqqast il-ħin personali tiegħi b’żewġ minuti.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna huwa għoli ħafna. Tista’ tara dan bl-ammont ta’ atleti Maltin li kkwalifikaw fil-Kampjonati Mondjali ta’ dis-sena f’Chicago.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
The Warehouse għalija huwa l-post ideali fejn nitħarreg għal dan l-isport. Għandna kowċis dedikati kemm għall-Hyrox u anke għall-ġiri u tista’ ssib kollox f’post wieħed. Il-kompetizzjoni ta’ Malta tal-Warehouse u Jungle Box hija kompetizzjoni ideali biex tara fejn qiegħed bħala ħin u tikkompeti ma’ atleti Maltin u tkun taf fejn qiegħed qabel tmur tikkompeti barra minn xtutna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
Din kienet l-ewwel sena tiegħi nikkompeti fil-Hyrox. Is-sena li ġejja, nixtieq intejjeb il-ħin tiegħi kemm fis-Singles Division kif ukoll ma’ Dzintra Grech. Se naħdem iktar biex nikkompeti fil-Pro Division għas-sena li ġejja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-perseveranza u d-determinazzjoni kapaċi jwassluk ħafna! Tista’ tikseb ir-riżultati li trid jekk tibqa’ konsistenti u moħħok hemm!