Saturday, December 28, 2024

Il-persuna li tikkoordina l-emerġenza dwar il-COVID-19 fi Sqallija arrestata fuq allegata korruzzjoni

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Tmien persuni fi Sqallija spiċċaw arrestati f’darhom rigward allegata korruzzjoni u tbagħbis fix-xiri fil-qasam tas-saħħa fi Sqallija. Fosthom hemm Antonino Candela ta’ 55 sena, li hu l-persuna li bħalissa qiegħda tikkoordina l-istruttura reġjonali għall-emerġenza COVID-19, il-kummissarju staordinarju u direttur ġenerali tal-Azjenda Sanitarja Provinċjali (ASP) ta’ Palermo. 

Permezz tal-operazzjoni mlaqqma “Sorella sanità”, ġiet żvelata sistema ta’ korruzzjoni u tbagħbis fil-qasam tas-sanità li wasslet għal 12-il miżura kawtelari, sekwestri ta’ intrapriżi u anke flus. 

Kien fit-12 ta’ Marzu, f’nofs l-emerġenza tal-Coronavirus, li l-President tar-reġjun ta’ Sqallija, Nello Musumeci nnomina lil Antonino Candela biex jikkoordina l-istruttura reġjonali għall-emerġenza dwar il-Coronavirus fi Sqallija. Fl-2016, Candela kien irċieva l-midalja għall-mertu tas-saħħa pubblika li kienet tippremja l-impenn għat-tħaddim, il-legalità u n-nuqqas ta’ korruzzjoni fis-settur. Il-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien kien qal li dan ir-rikonoxximent kien għal dawk l-eroj li għamlu atti kuraġġjużi biex jipproteġu u jgħinu lil min isofri, u studjużi li b’xogħolhom iwasslu għall-progress fix-xjenza medika. 

B’kollox ġew issekwestrati seba’ soċjetajiet, li jinsabu fi Sqallija jew fir-reġjun tal-Lombardija, bil-valur ta’ €160,000. Madankollu, l-allegata korruzzjoni ta’ uffiċjali pubbliċi tidher li tleħħaq għaċ-ċifra ta’ €1,800,000. 

Ekonomija

Sport