Saturday, November 23, 2024

Il-persuni f’riskju ta’ faqar jiżdiedu b’0.3%… il-Gvern jgħid li din iż-żieda kienet marġinali għax żdied id-dħul medju

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li bejn l-2018 u l-2019 żdiedu b’0.3% il-persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar.

Waqt li fl-2018 dawn kienu jammontaw 16.1%, fl-2019 żdiedu għal 17.1%. Dan ifisser li fil-pajjiż hawn madwar 82,758 jgħixu fir-riskju tal-faqar hekk kif għandhom dħul ta’ €9,212.

L-NSO sab li waqt li dawk f’riskju ta’ faqar żdiedu b’1.1%, dawk fil-kategorija ta’ deprivazzjoni materjali żdiedet b’0.6%.

Fi djar fejn hemm tfal li ma jiddependux mill-adulti n-nies f’riskju tal-faqar żdiedu minn 16.1% għal 16.9% biex jammontaw għal 40,838.

Dawk fejn hemm tfal dipendenti fuq l-adulti l-persuni f’riskju ta’ faqar naqas minn 17.6% għal 17.3% li jfisser 41,920 persuna.

Fir-reazjoni tiegħu għal din l-istatistika, il-Ministru għal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon innota li ż-żieda fid-dħul medju tal-familji wasslet biex iż-żieda fil-faqar kienet waħda marġinali.

Huwa innota li dan id-dħul żdied għal rekord ta’ €28,505, żieda ta’ €675 jew kważi €13 fil-ġimgħa aktar mis-sena preċedenti. Dan kien ifisser ukoll li fuq l-2013 id-dħul disponibbli żdied b’aktar minn €5,000 jew 21%.

Falzon semma kif dawk fuq dħul ta’ anqas minn €6,000 naqsu minn madwar 16,500 għal madwar 14,500 f’sena waħda meta qabel l-2013 kien hemm mas-36,500 li kienu fuq dħul ta’ anqas minn €6,000 f’sena.

Huwa innota wkoll mill-istatistika li naqas ukoll id-distakk bejn id-dħul ta’ dawk bl-ikbar dħul u ta’ dawk bl-inqas dħul.

Falzon irrefera wkoll għar-rata ta’ deprivazzjoni materjali fejn is-sitwazzjoni tkun agħar minn dik ta’ persuna f’riskju tal-faqar.

Hawnhekk jirriżulta li din naqset minn 8.7% għal 8.4% meta fl-2013 kienet ta’ 19.9%.

“Dan ifisser li f’sitt snin dan il-fenomenu soċjali tnaqqas b’aktar min-nofs b’aktar minn 41,500 persuna anqas f’din il-qagħda”, huwa qal waqt li semma kif hemm inqas familji li qed jaqgħu lura fil-pagamenti ta’ self jew ta’ kontijiet, hemm iktar nies li jaffordjaw li jsiefru u iktar nies li jifilħu għal spejjeż finanzjarji mhux antiċipati.

Falzon esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li fl-aħħar sena żdied il-proporzjon ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u minn 22.8% sar 23.6% meta fl-2013 kien ta’ 33%.

“Waħda mill-aktar kawżi ta’ dan it-titjib kien li tnaqqas ir-riskju fost familji b’single parent’ fejn ir-rata issa naqset taħt it-52% meta qabel l-2013 kienet kważi 59%”.

Fir-reazjoni tiegħu huwa irrimarka wkoll li dawn ir-riżultati juru kemm il-politika soċjali u ekonomika mħaddma fl-aħħar snin għamlet differenza fil-livell ta’ għixien tal-familji.

Fl-istess waqt huwa wiegħed li se jkompli jaħdem biex titjib il-qagħda tan-nies fosthom dawk li mhux jaħdmu nkluż il-pensjonanti.

Sport