Ma ssibx persuna li ma tistqarrx li trid ambjent aħjar. Li trid aktar indafa. Settur li rridu nammettu li għadna lura sew fih. Settur li rridu naħdmu ħafna fih. Ibda mill-indafa. Magħrufin għal kemm fi djarna inżommu nadif, imma mhux daqstant mill-għatba l-barra.
Settur li faċilment wieħed jipponta subgħajh lejn l-awtoritajiet, li bla dubju qed jagħmlu ħafna biex pajjiżna u l-kampanja tagħna jinżammu nodfa. Settur li għalih il-gvern qed jinvesti ħafna, imma sfortunatament għad hawn min għadu irresponsabbli. F’xi postijiet ir-riżultat jidher f’oħrajn le. Tmur sa ċertu żoni f’Buġibba u tinduna li tkun qisek qiegħed f’miżbla. Tara servizz ta’ ġbir ta’ skart, li hu servizz addizzjonali minn dak li jħaddem il-kunsill, imma ftit wara tara dik l-istess triq reġgħet imtliet bil-boroż tal-iskart. U ovvjament dawn issa għandhom hemm sal-għada. Ma nistgħux ma nsemmux il-kampanja. Realtà tal-mistħija li tmur f’żoni mill-isbaħ tal-kampanja tagħha u ssib dak l-ambjent iħassa minn skart goff jew materjal ieħor bħal terrapien mormi.
L-indafa u ż-żamma tal-ambjent nadif madwarna hu wieħed mill-iktar setturi fejn il-bidla għall-aħjar tiddependi minn kull wieħed u waħda minna. Bħala ċittadini għandna lkoll mill-kliem ngħaddu għall-fatti.
Il-Gvern irid jagħmel liġijiet tajbin u jara li jkunu infurzati. Jekk hemm bżonn anke jħarrax aktar il-pieni kontra min jinqabad iħammeġ. Nemmnu imma li l-gvern qed jagħmel ħafna f’dan il-qasam
Ngħidu bla tlaqlieq li din l-isfida ambjentali li għandu l-pajjiż, qed tkun indirizzata bi programm ambizzjuż. Il-Gvern bidel il-liġijiet u nieda inizjattivi ġodda. Għaddejjin ukoll kampanji biex nisseparaw u nżommu nadif.
Issa aħna wkoll irridu nagħmlu l-parti tagħna. Il-kampanji għamlu effett, għalkemm naħsbu li mhux daqs kemm mixtieq.
Ma nistgħux nibqgħu f’dan il-pajjiż f’sitwazzjoni fejn ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif inaddfu t-toroq u żoni residenzjali u anke żoni fil-kampanja u wara ftit jiem iż-żona terġa’ ssir miżbla. Qisu hemm l-attitudni, ‘armi għax hemm min inaddaf’. Din hi sitwazzjoni li tagħmel kemm tagħmel infurzar mhux se ssib tarfha. Għax x’se tagħmel se timla kull m’hawn kameras?
Għalhekk hemm bżonn kampanji qawwija ta’ edukazzjoni. Servizzi ta’ skart effiċjenti. Servizzi li meta ċċempel biex tibbukkja servizz ta’ skart goff, it-telefon jirrisponduh mhux tagħmel nofs ta’ nhar iċċempel.
Għandna min mhux paċenjuż, jew forsi m’għandux fejn iżomm l-iskart u allura jeħles minnu b’mod abbuż. Aġir kundannabbli, imma mill-banda l-oħra tajjeb li naraw kif nistgħu intejbu aktar is-servizz ta’ ġbir ta’ skart goff.
Tajjeb ukoll li pajjiżna jissettja dak li qatt ma sar. Data speċifika ta’ meta żoni li llum huma mandra bħala Buġibba, se narawhom fi stat tajjeb u nadif.