Tuesday, November 25, 2025

IL-PJAGA TAL-VJOLENZA DOMESTIKA RRIDU NKOMPLU NIĠĠILDULHA

Aqra wkoll

Issa li ngħata bidu għas-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, b’numru ta’ attivitajiet u inizjattivi sabiex jitqajjem aktar għarfien dwar il-kumplessità ta’ din il-pjaga, hi kruċjali l-importanza tal-għarfien dwar is-servizzi professjonali li jeżistu biex jassistu f’każijiet relatati mal-vjolenza domestika.

Il-vjolenza domestika hija abbuż li ħafna drabi nassoċjawh biss ma’ aggressjoni fiżika fil-konfront tan-nisa. Iżda, l-vjolenza mhijiex biss fiżika u tista’ tkun ukoll psikoloġika u emozzjonali u ma tolqotx lin-nisa biss. Dan qed narawh ukoll fuq irġiel, anzjani u saħansitra tfal. Pajjiżna f’dawn l-aħħar snin ħadem qatigħ biex jindirizza l-pjaga tal-vjolenza f’kull forma tagħha.

Għalhekk naqblu ma’ kull sforz, appell u impenn li l-każi ta’ vjolenza jkunu miġġielda bl-azzjoni u mhux bil-kliem jew bil-partiġġjaniżmu. B’sodisfazzjon ninnutaw ukoll li llum għandna diversi hubs speċjalizzati li joffru ambjent aktar aċċesibbli u rispettat lejn il-vittmi, inkluż b’uffiċjali mħarrġa fuq kif jittratta każijiet sensittivi ta’ dan it-tip.

Aktar miżuri li ħallew impatt f’dan il-qasam kienu ż-żieda fil-Maġistrati ffukati biss fuq dawn il-każijiet filwaqt li ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffef il-proċess f’dawn il-każi.

Novità oħra hi l-introduzzjoni tal-panic alarms, apparat żgħir li bih il-vittmi ta’ vjolenza domestika jindikaw lill-pulizija meta jkunu jinsabu fir-riskju li ssir vjolenza fuqhom. Permezz ta’ dan l-apparat, il-pulizija jingħataw sinjal ta’ fejn iridu jmorru fuq il-post. 

Minkejja li ttieħdu dawn il-miżuri kollha biex tkompli tiġi indirizzata din il-pjaga, nemmnu li jsir kemm isir qatt mhu biżżejjed. U dan anke fl-isfond tar-realtajiet li qegħdin jinbidlu l-ħin kollu. Għalhekk huwa ttamat li dawn il-miżuri kollha, flimkien ma’ oħrajn li se jiġu introdotti fiż-żmien li ġej, iservu ta’ deterrent biex kemm jista’ jkun tonqos il-vjolenza domestika mis-soċjetà Maltija fejn għad hawn min mhux jersaq ‘il quddiem minħabba biża’ u theddid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport