Filwaqt li qabel ma reġa’ ġie elett bħala l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump kien wiegħed li jwaqqaf il-Gwerra fl-Ukrajna fi żmien jum wieħed biss, il-ġranet, il-ġimgħa u x-xhur għaddew. Bil-għan li jwettaq dak li jwiegħed għax għall-biljunarju Amerikan fit-tmun tal-Istati Uniti mhuwiex aċċettabbli li jfalli, għadu kemm ħabbar pjan ġdid għall-paċi fl-Ukrajna, pjan li mhuwiex ikkonsidrat ġust lejn il-parti Ukrena.
Dan minħabba li fil-proposti ġodda tiegħu Trump qiegħed ipproponi li l-President Russu Vladimir Putin iżomm it-territorju kollu li rebaħ mill-Ukrajna. Dan bil-kundizzjoni li jwaqqaf il-ġlied fil-fruntiera.
L-unika telfa għal Putin f’dan il-pjan propost hija li l-mexxej Russu jċedi żewġ żoni żgħar li bħalissa huma okkupati mir-Russja. L-Ukrajna kieku jkun hemm qbil, terġa’ tingħata aċċess għall-fetħa tax-xmara Dnieper u l-provinċja ta’ Kherson. Fiż-żewġ żoni huwa mitlub li t-truppi Russi jirtiraw.
Sadanittant, uffiċjali Amerikani, Ingliżi, Ewropej u Ukreni se jiltagħu llum f’Londra biex jaraw kif jistgħu jaslu għal ftehim ta’ paċi bejn Moska u Kyiv flimkien mal-mibgħut speċjali Amerikan, Keith Kelogg, li min-naħa tiegħu qiegħed jittama li l-Ukrajna taċċetta dan l-aħħar pjan ta’ paċi propost.