Sunday, December 22, 2024

Il-pjattaforma lokali tal-finanzi diġitali Moneybase hija l-isponsor ewlieni tas-16-il Konferenza Annwali ta’ FinanceMalta

Aqra wkoll

Bi tħejjija għas-16-il Konferenza Annwali tagħha, FinanceMalta ssieħbet ma’ Moneybase bħala l-isponsor ewlieni tal-avveniment annwali tagħha li se jseħħ fit-13 ta’ Settembru. Bit-tema “Leading change through innovation”, din il-laqgħa ta’ professjonisti u stakeholders lokali u internazzjonali se tiffoka fuq l-aktar kwistjonijiet attwali, pertinenti u impenjattivi fis-settur finanzjarju. F’dan id-dawl, il-kollaborazzjoni bejn FinanceMalta u Moneybase tagħti lok għal konverġenza ta’ għarfien espert, innovazzjoni u għanijiet komuni.

Il-Konferenza Annwali ġibdet l-interess ta’ bosta kumpaniji lokali u internazzjonali, li qed jappoġġjaw dan l-avveniment. Dawn jinkludu, fost oħrajn, il-Platinum Sponsors -Mastercard, BOV, Malta Stock Exchange u Systemic.

Meta tkellem dwar il-mod kif Moneybase applikat b’suċċess it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex issawwar pjattaforma finanzjarja tal-ġenerazzjoni li jmiss, il-Kap Eżekuttiv ta’ Moneybase Alan Cuschieri ikkummenta: “Moneybase hija pjattaforma finanzjarja, rebbieħa ta’ bosta premjijiet, li tippermetti lill-individwi u lin-negozji jimmaniġġjaw faċilment il-ħtiġijiet finanzjarji kollha tagħhom – minn ħlasijiet bil-kards u pagamenti bankarji ta’ kuljum għal investimenti globali – fuq firxa wiesgħa ta’ madwar 40 suq u diversi klassijiet ta’ assi. Aħna neżistu biex nagħmlu l-immaniġġjar tal-flus sempliċi…għal kulħadd. Aħna nemmnu li l-ġestjoni tal-finanzi m’għandhiex tkun ikkumplikata, u bħala parti mill-missjoni tagħna li ntejbu kontinwament l-offerta tagħna, issa qed nisfruttaw it-teknoloġija u t-tim ta’ esperti tagħna biex nintroduċu xi ħaġa ġdida fis-suq. Aħna konxji tal-ostakli li n-negozji jiffaċċjaw kuljum; nafu wkoll kemm hi ta’ sfida li ma jkollokx sistema li tħaffef, kosteffettiva u flessibbli għall-ġestjoni tal-finanzi tan-negozju. Aħna qed nibdlu dan.”

Bħala parti mill-missjoni tagħha li tippromwovi lil Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, FinanceMalta konsistentement ilha tinkoraġġixxi t-tħaddin tal-bidla u l-innovazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji biex tiżgura r-rilevanza kontinwa ta’ din l-industrija kemm fuq skala lokali kif ukoll globali, tkabbar il-prospetti tan-negozju, u tixpruna lill-industrija finanzjarja biex iżżomm il-momentum tat-tkabbir tagħha. Il-konferenza annwali hija ċentrali għall-kalendarju ta’ avvenimenti ta’ FinanceMalta mifruxa matul is-sena. Hija għandha importanza sinifikanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet u l-appoġġ tal-partijiet interessati jibqa’ ta’ importanza kbira biex din il-konferenza tkun avveniment ta’ suċċess u ta’ impatt.

Iċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella qal: “Li jkollna lil Moneybase bħala l-isponsor ewlieni għall-Konferenza Annwali ta’ din is-sena hija riflessjoni tal-ekosistema vibranti tal-FinTech li aħna kburin li nippromwovu. Fid-dinja iperkonnessa tal-lum, it-teknoloġija hija għodda fundamentali biex toffri lill-klijenti soluzzjonijiet sempliċi, iżda siguri, biex jimmaniġġjaw il-flus tagħhom. Hekk kif naħdmu biex nippromwovu lil Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, il-kontribut tal-FinTech huwa kruċjali, billi huwa l-pedament biex jinkisbu ħlasijiet diġitali, esperjenzi bankarji personalizzati, tranżazzjonijiet siguri u, fl-aħħar mill-aħħar, inklużjoni finanzjarja u tkabbir ekonomiku, filwaqt li niżguraw l-ogħla standards ta’ konformità.”

Is-16-il Konferenza Annwali ta’ FinanceMalta tibda b’avveniment ta’ networking miftuħ għad-delegati kollha fit-12 ta’ Settembru, fil-Hilton Malta. Il-konferenza tipproċedi l-għada, it-13 ta’ Settembru, bejn it-8am u l-5pm, bi programm impenjattiv ta’ diskorsi ewlenin minn kelliema lokali u internazzjonali distinti, fireside chats u diskussjonijiet tal-panels.

Għal aktar aġġornamenti, bħall-aġenda uffiċjali, kelliema konfermati, opportunitajiet ta’ sponsorizzazzjoni u dettalji tar-reġistrazzjoni, żur https://www.fmannualconference.org/

Ekonomija

Sport