Wednesday, December 25, 2024

Il-PL b’distakk ta’ 8.4% fuq il-PN

Aqra wkoll

Il-polz tal-elettorat jindika distakk ta’ 8.4% favur il-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan jirriżulta minn stħarriġ ikkummissjonat mit-TORĊA u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà bejn is-13 u l-20 t’ Ottubru b’kampjun ta’ 1,000 persuna.

Dott. Marmarà spjega li dan id-distakk huwa tnaqqis għall-Partit Laburista mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali, prinċiparjament minħabba li għandek numru akbar ta’ nies li vvutaw lill-Partit Laburista li qalu f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, ma jivvutawx. Spjega li wieħed jista’ jinnota shift ta’ 2.1% fost dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2022, u li issa qed jgħidu li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Dott. Marmarà qal li jidher biċ-ċar li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, għandek numru sostanzjali ta’ votanti li qegħdin jgħidu li mhux ser jivvutaw u b’hekk it-turnout ikun ferm iktar baxx meta mqabbel ma’ elezzjonijiet ġenerali oħrajn. Żied jgħid li b’dawn ir-riżultati ta’ dan is-survey, it-turnout jindika li f’każ li ssir elezzjoni ġenerali għada, it-turnout ikun ta’ madwar 68%. Spjega li meta wieħed jikkonsidra dan it-turnout, id-distakk bejn il-partiti ikun ta’ madwar 20,000 vot favur il-Partit Laburista.

Mill-istħarriġ ta’ Dott. Marmarà jirriżulta li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 51.5% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.1%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 5.3% tal-elettorat. Meta mistoqsi jispjega kif ix-xjenza tal-istatisika twassalna għal dan ir-riżultat, huwa qal li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirrifjutaw li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ.

Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ jitqabbel mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena li għaddiet, wieħed jinnota tnaqqis ta’ 3.6% għall-Partit Laburista, żieda ta’ 1.4% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 2.1% għall-partiti oħrajn.

Fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 68.8% qalu li jafdaw l-aktar lill-Partit Laburista, 2.1% wieġbu li jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, 19.0% qalu li ma jivvutawx, 7.7% wieġbu li ma jafux, 0.8% għażlu li ma jweġbux u 1.7% qalu li oħrajn.

Mill-banda l-oħra, fost il-votanti li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 77.1% wieġbu li jerġgħu jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, 0.8% wieġbu li jivvutaw lil ADPD, 14.8% wieġbu li ma jivvutawx, 1.7% qalu li jivvutaw partiti oħrajn u 5.6% wieġbu li ma jafux.

Ir-riżultat ta’ stħarriġ ta’ Dott. Vincent Marmarà qabel Gvern Laburista jressaq it-tieni budget fit-tielet leġiżlatura tiegħu, u sena u nofs mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Dan sar bejn it-13 u l-20 ta’ Ottubru. Dan l-istħarriġ ta’ Dott. Vincent Marmarà għandu kampjun ta’ 1,000 persuna b’margin of error baxx ta’ +/-3.1%

Ekonomija

Sport