Saturday, December 21, 2024

Il-PL għamel bidliet importanti sabiex is-soċjetà tkompli temanċipa ruħha” – Dr Andy Ellul

Aqra wkoll

Minn – CRISTIAN MUSCAT

Matul din il-ġimgħa, il-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista approva n-nomina sabiex Andy Ellul jiġi co-opted bħala Membru Parlamentari. Dan kollu seħħ wara li Silvio Grixti rriżenja minn Membru Parlamentari u għalhekk dan il-post ġie vakanti.

Fil-31 ta’ Diċembru l-Kummissjoni Elettorali sostniet li ma kinitx rċeviet xi kandidatura għall-elezzjoni każwali biex ikun elett xi ħadd minflok il-membru parlamentari Laburista Silvio Grixti. B’hekk beda proċess sabiex Andy Ellul jiġi nkluż bħala membru parlamentari, b’dan kollu jiġi kkonfermat fil-bidu ta’ din il-ġimgħa. Hu se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra fil-jiem li ġejjin.

L-Avukat Andy Ellul, li huwa wkoll Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss twieled fl-1975, għandu 46 sena u ggradwa b’Dottorat fil-liġi fl-2007 u llum jispeċjalizza fil-Ligi Amministrattiva. Andy u Claudia Cuschieri għandhom tifel ta’ 7 snin jismu Gianni.

Ellul kien involut fit-tfassil ta’ riformi u liġijiet importanti f’pajjiżna, fosthom dawk relatati mal-qasam soċjali u tal-familja. Ellul kien ukoll Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Kunsill tal-Ewropa fil-Kumitat Lanzarote. Kif wieħed jista’ jinduna, hu għandu għal qalbu l-qasam soċjali.

Bħalissa hu ċ-chairperson tal-kumitat tekniku tal-gvern fuq l-aljenazzjoni tal-ġenituri fit-tentattiv sabiex tinħoloq strateġija li tpoġġi fuq quddiem it-tema tal-familja.

Andy Ellul sar ukoll il-ħames co-option fl-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela wara dawk ta’ Clyde Caruana, Oliver Scicluna, Miriam Dalli, u Jonathan Attard.

L-Orizzont tkellem ma’ Dr Ellul dwar il-ħatra tiegħu fejn qalilna li: “l-ewwelnett ninsab onorat li se nkun qed inservi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Kburi wkoll li ġejt approvat kemm mill-Grupp Parlamentari kif ukoll mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista. Nirringrazzjahom tal-fiduċja li wrew fija u nwiegħdhom li se nkun qed insarrafha f’aktar xogħol bla waqfien.”

Ellul fisser li din il-kariga hi ferm prestiġġjuża iżda li ġġorr magħha responsabbiltà kbira. Il-fatt li tkun qed taħdem fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fiha l-piż tagħha, xi ħaġa li hu se jkun qed iġorr b’ħeġġa liema bħalha.

Andy Ellul fisser kemm irċieva numru kbir ta’ messaġġi mingħand diversi individwi tant li lanqas biss irnexxielu jweġibhom kollha. Dawn in-nies tawh is-sapport kollu meħtieġ u hu lest li ma jiddiżappuntahomx. Skont hu meta n-nies jafdawk fil-politika, hu d-dmir tal-politiku li jsarraf il-vot tagħhom f’ġid u fejda, xi ħaġa li hu jemmen ħafna fiha.

Tfajna ħarsitna fuq il-Partit Laburista, li Dr Ellul ilu parti minnu għal dawn l-aħħar snin u li hu ferm għal qalbu. F’dan l-istadju meta l-elezzjoni ġenerali tinsab wara l-bieb, il-mistoqsija toħroġ waħidha. Mis-sondaġġi li saru f’dawn l-aħħar snin, dan il-partit dejjem kien minn ta’ quddiem u favorit li jirbaħ. Kemm hu importanti li l-Partit Laburista jżomm saqajh mal-art, jibqa’ dejjem qrib il-poplu u ma jħallix is-sondaġġi jimlewlu rasu?

“Hu veru li s-sondaġġi dejjem marru favur il-partit laburista. Dan kollu ilu jseħħ għal aktar minn għaxar snin. Il-poplu dejjem ikun irid jibgħat messaġġ u aħna bħala partit dejjem nippruvaw nisimgħu minnu. Irrid ngħid li l-Partit Laburista dejjem żamm saqajh mal-art għax jisma’ lin-nies u jara x’inhuma l-bżonnijiet tiegħu. Minkejja li għamilna ħafna ġid, xorta waħda ngħid li fadlilna ħafna x’nagħmlu għax ix-xogħol ma jieqaf qatt! Madankollu ngħidlek li mexjin fit-triq it-tajba.”

Andy Ellul fisser kemm hu jinsab għal qalbu jaħdem mar-rappreżentanti tal-partit u ħerqan ukoll sabiex iwettaq din il-ħidma fil-parlament ukoll. Sa mill-2013, il-Partit Laburista ħoloq opportunità wara l-oħra u dan il-fatt jiġi apprezzat sew min-nies. Fost l-oħrajn wieħed ma jistax ma jsemmix in-numru ta’ riformi li saru f’dawn l-aħħar snin li jżewġu sew l-ideali tal-istess Andy Ellul.

“Ħadt pjaċir li tliet elementi li nemmen fihom jien personalment ġew inklużi sew f’dan il-partit. Wieħed ma jistax ma jfaħħarx lill-ministri involuti li raw li jkollna aktar inklużjoni, ġustizzja u mobilità soċjali. Dawn kienu elementi li mal-ewwel bdew deħlin wara l-2013. Ninsab kuntent li qed nagħmel parti minn dan il-partit li nistgħu nsejjaħlu progressiv u mhux konservattiv. Kieku mhux qiegħed hawn!”

Dr Ellul jgħid li partit progressiv u liberali lest li jagħmel il-bidla mhux bħal min hu konservattiv fejn ma jkun irid ibiddel xejn. Meta pajjiż idaħħal dawn l-ideat, se jkollok ħafna progress filwaqt li dawk l-affarijiet li qabel in-nies kienu mċaħħda minnhom, illum għandhom aċċess għalihom. Dawn huma prinċipji importanti li jħaddan dan il-partit tant glorjuż. 

Hu jsostni li f’dawn l-aħħar tmien snin, mingħajr ma qagħad gallarija, dan il-partit għamel il-bidliet tant importanti sabiex is-soċjetà tkompli temanċipa ruħha. Riformi li fissru aktar drittijiet u inklużjoni fosthom l-IVF, liġijiet favur persuni LGBTIQ, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u anke d-dritt li jrabbu t-tfal, il-morning after pill u riċentement għaddiet ukoll il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.

Finalment tlabna lil Andy Ellul sabiex jagħti l-aħħar messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jimbarkaw ruħhom f’karriera politika.

“Il-politika fiha l-mumenti sbieħ u oħrajn mhux daqstant pożittivi. Hi xi ħaġa normali li tgħaddi minn dan kollu. Hemm responsabbilta’ kbira xi ġġorr bħala politiku, deputat jew inkella ministru apparti s-sagrifiċċju involut. Biex inkun qed ngħid kollox, il-familja tiegħek ukoll tispiċċa involuta f’dan is-sagrifiċċju għalkemm ngħid li sibt sapport kbir min-naħa tagħhom.”

“Is-sabiħ tal-politika hi meta jiġi kostitwent jfittxek u jirringrazzjak li tkun għamiltlu l-ġid, xi ħaġa li n-nies jibqgħu jiftakruh. Ġenituri li jsemmulek li grazzi għall-miżura taċ-child care b’xejn, huma jistgħu jaħdmu b’moħħhom mistrieħ li wliedhom qegħdin f’idejn tajba jew inkella oħrajn li raw id-differenza wara r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Din hi l-ħajja ta’ kuljum tal-politiku. Jien ngħid li dan ix-xogħol hu vokazzjoni għax dik li tgħin in-nies u tara li ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom hi sabiħa wisq!”

Ekonomija

Sport