Thursday, July 10, 2025

Il-PL ħa sehem fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja volontarja assistita u ressaq għadd ta’ proposti

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista nnota r-rispons kbir li kien hemm waqt il-konsultazzjoni pubblika li saret mill-Gvern dwar l-ewtanasja volontarja assistita fil-ġimgħat li għaddew. “Kienet diskussjoni fid-direzzjoni t-tajba mill-Gvern li qed juri impenn lejn djalogu miftuħ u inklussiv dwar tema ta’ importanza għas-soċjetà Maltija.”

Il-Partit Laburista eżamina b’attenzjoni l-proposti u kkonsulta ma’ diversi stakeholders dwar dan is-suġġett.  Dan il-proċess wassal biex il-fergħat tal-Partit preżentaw reazzjoni uffiċjali, bi proposti konkreti dwar prinċipji u salvagwardji etiċi u legali.

Il-Partit Laburista ddikjara li jaqbel mal-prinċipji ewlenin li ġew proposti fid-dokument ta’ konsultazzjoni ppubblikat mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi.  Dawn il-proposti jżommu l-bilanċ neċessarju b’rabta mas-salvagwardji, u fl-istess waqt tingħata d-dinjità lill-pazjenti b’mard terminali. 

Il-Partit Laburista nnota wkoll id-dibattitu li tqanqal dwar il-kura paljattiva li qed tingħata bħalissa u l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ fiż-żmien li ġej.  “B’dispjaċir iżda kien hemm min uża din id-diskussjoni biex ibeżża’ u jagħmel kampanja ta’ miżinformazzjoni dwar suġġett tant sensittiv.”

Il-Partit Laburista huwa ottimist li wara d-diskussjoni matura u onesta li saret fl-aħħar ġimgħat, kif kien stipulat li għandu jsir fil-manifest elettorali, il-konsultazzjoni se tixpruna l-pass li jmiss li għandu jieħu l-Gvern biex mill-15,000 sottomissjoni li saru, jitfassal l-abbozz ta’ liġi abbażi tal-ħtiġijiet attwali tas-soċjetà Maltija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport