Il-Partit Laburista fi stqarrrija li ħareġ irrefera għar-rapporti li dehru fil-midja dwar il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar is-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura f’Malta u l-poteri tal-Prim Ministru.
Il-Partit Laburista fakkar li l-ħatriet ġudizzjarji kienu suġġett ta’ riforma kostituzzjonali li ġiet proposta mill-Gvern wara proċess ta’ konsultazzjoni trasparenti u wiesgħa mal-Kummissjoni Venezja u addottata mill-Parlament Malti b’mod unanimu.
Permezz ta’ din ir-riforma, li ġiet ukoll imfaħħra mill-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru neħħa għalkollox minn idejh il-poteri li kellu fir-rigward ta’ ħatriet fil-ġudikatura.
L-istqarrija kompliet tgħid li ta’ min jirrimarka wkoll il-fatt li s-sottomissjonijiet tal-NGO Repubblika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea saru mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Jason Azzopardi. Dan huwa ta’ tħassib serju għax juri biċ-ċar li l-Oppożizzjoni għadha bl-istess aġenda taħt il-Kap il-ġdid tagħha Bernard Grech li tattakka l-istat Malti barra minn xtutna u l-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż, b’attakk dirett fuq sitt ġudikanti sedenti.