Friday, July 18, 2025

Il-PL jemmen li l-Malta Labour Migration Policy se ssaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u se tħares l-interessi tas-soċjetà

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista jilqa’ b’sodisfazzjon l-implimentazzjoni tal-Malta Labour Migration Policy, li mill-1 t’Awwissu se tidħol fis-seħħ, wara xhur ta’ konsultazzjoni pubblika mal-imsieħba soċjali u l-pubbliku in ġenerali.

L-ewwel 12-il miżura minn 20 se jidħlu fis-seħħ mix-xahar id-dieħel sabiex din il-politika tħalli r-riżultati mixtieqa u l-prinċipji ewlenin li jikkonsistu fi stabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-kontrolli biex jiġu ħaddiema barranin fejn hemm biss bżonn, u investiment fil-ħiliet.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri żaru negozju tal-familja fil-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali, li huwa eżempju ċar ta’ intrapriża li qed tespandi l-operat tagħha u fl-istess waqt tinvesti fil-ħaddiema. 

Sid ta’ negozju li fih saret iż-żjara, Joe Galea, ilu għal diversi snin jipproduċi prodotti tal-artiġġjanat Malti f’Ta’ Qali, bit-tifla tiegħu dan l-aħħar espandiet in-negozju bi prodotti oħra Maltin.  Negozju ta’ suċċess, bil-maġġoranza tal-ħaddiema huma Maltin, li issa se jkun qed jespandi l-operat tiegħu b’investiment ta’ €3.2 miljun, li se jfisser li sas-sena d-dieħla jirdoppjaw il-ħaddiema għal 60. 

Id-Deputat Mexxej tal-PL Alex Agius Saliba qal li dan in-negozju jissimbolizza numru ta’ elementi pożittivi fl-ekonomija tagħna, għax is-Sur Galea rnexxielu jkabbar kumpanija li welled hu stess, u fl-istess waqt qed isaħħaħ l-artiġġjanat Malti.  Spjega kif dan in-negozju qed iħaddan prinċipji important li qed jimbotta l-politika tax-xogħol tal-Gvern billi qed jitratta lill-ħaddiema b’rispett, bit-taħriġ u l-kundizzjonijiet li jagħti lill-ħaddiema.  Żied li din tmur id f’id mal-politika tax-xogħol tal-Gvern, filwaqt li jippreserva t-tradizzjonijiet u l-kultura tagħna.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li ż-żjara tal-lum hija eżempju perfett tal-għanijiet li bħala Gvern, bil-Malta Labour Migration Policy, irridu nilħqu – ħaddiema ta’ kwalità, b’investiment fil-ħiliet tagħhom u li jirrispettaw l-identità Maltija. Spjega li huma dat-tip ta’ impjiegi li qegħdin inħarsu lejhom u faħħar is-sens ta’ inklużjoni li jħaddnu s-sidien ta’ dan in-negozju, li anke jinvolvu persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-produzzjoni tal-prodotti li joffru.

Il-Ministru qal li Partit Laburista fil-Gvern jemmen li l-Malta Labour Migration Policy se tara li t-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet li jinħolqu jservu l-interess tas-soċjetà b’mod ġenerali, bħala l-għan ewlieni u l-iktar wieħed importanti. Ikkonkluda li s-soċjetà trid u tippretendi ċerti servizzi kif għandu jkun.  Iżda huwa għalhekk li din il-politika tisħaq ukoll li f’pajjiżna jkunu l-awtoritajiet fil-kontroll u hekk qed isir.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport