Il-Partit Laburista jirringrazzja lill-ħaddiema u uffiċjali tal-entitajiet pubbliċi kollha li taw sehemhom fil-ħidma marbuta mal-maltempata Harry li laqtet lill-gżejjer Maltin f’dawn il-jiem.
Mijiet ta’ ħaddiema sfidaw il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp minħabba x-xita qalila u r-riħ qawwi li ħakmu lil Malta u Għawdex, u ħadmu lejl u nhar fl-iktar postijiet milquta li jinsabu mal-kosta, bħal Marsaskala, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Għar Lapsi, San Ġiljan, Tas-Sliema, u l-Għadira, kif ukoll f’għadd ta’ toroq ewlenin.
Il-Partit Laburista jirringrazzja l-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati, li kienu l-aktar li ntalbu jassitu nies fi kważi 700 talba, li huma l-membri u l-voluntiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, il-Forzi Armati u l-uffiċjali tal-LESA.
Apprezzament ukoll lill-uffiċjali ta’ Transport Malta li ntalbu jaġixxu f’diversi toroq, biex jassistu f’sitwazzjonijiet fejn kien hemm periklu biex jitneħħa immedjatament mill-postijiet affettwati. B’kordinament magħhom kien hemm l-istaff tal-isptar Mater Dei, tal-Enemalta u ta’ Clean Malta.
Infatti, bis-saħħa tal-kordinament li kien hemm, beda minnufih it-tindif fiż-żoni l-iktar milquta biex jitneħħa d-debris mit-toroq u materjal ieħor li spiċċa ħoloq periklu jew inkonvenjent għan-nies, bl-għajnuna wkoll tar-riżorsi provduti mill-Wasteserv u Infrastructure Malta.
Il-Partit Laburista jixtieq jirrimarka wkoll kemm intuża b’responsabilità min-nies in-numru ta’ emerġenza 112, biex setgħat tingħata l-għajnuna meħtieġa u fil-pront lil min veru kellu bżonn intervent urġenti.
F’dawn is-sigħat kruċjali li għaddew, deher biċ-ċar kemm huwa siewi l-investiment li sar minn Gvern Laburista f’dawn l-entitajiet biex il-ħaddiema kienu mħarrġa u fl-istess waqt kienu mgħammra bl-apparat adegwat għal operazzjoni kkordinata u effettiva f’dat-tip ta’ ċirkostanzi rari.

