Tuesday, July 22, 2025

Il-PL jżur kumpanija Għawdxija li qed tinvesti biex tkun fost l-aqwa 5 fl-Ewropa fis-settur tagħha

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista jinnota b’sodisfazzjon l-investiment kontinwu li qed isir mill-intrapriżi Għawdxin, li mhux biss qed jiddistingwu ruħhom f’pajjiżna bil-kapaċità li joħorġu bi prodotti lokali għas-suq Malti, iżda wkoll li qed jiksbu suċċess barra minn xtutna.

Fi żjara mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba fil-Magro Food Village fix-Xewkija, Għawdex, huwa ngħata spjegazzjoni mid-diretturi tal-kumpanija dwar l-espansjoni li qed issir b’investiment ta’ €12.5 miljun. Dan l-investiment mistenni jirdoppja l-produzzjoni tal-ketchup u b’hekk din il-kumpanija ssir fost l-aqwa 5 fl-Ewropa f’dan is-settur.

Iċ-Chairman tal-Grupp, John Magro, qal li l-kumpanija se tkun l-ewwel waħda f’Għawdex li qed tinvesti f’sistema ġdida ta’ fliexken għall-ketchup bl-użu ta’ plastik riċiklabbli li se jsir fil-fabbrika stess minn ħaddiema speċjalizzati. Fl-istess waqt, is-Sur Magro spjega li l-kumpanija se timmassimizza l-użu tal-ispazju fil-fabbrika bil-għan li l-produzzjoni tal-ketchup tirdoppja għal 350 flixkun fil-minuta, għal bejn 11 u 12-il tunnellata ketchup fis-siegħa.

Is-Sur Magro qal: “Kien ta’ sodisfazzjon għalina li d-Deputat Mexxej tal-PL Alex Agius Saliba u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay ġew iżuruna waqt l-għasir tat-tadam fil-fabbrika x-Xewkija, Għawdex. Aħna spjegajna x-xogħol li jsir minn bosta nies inkluż il-bdiewa Maltin u Għawdxin; sabiex inwasslu l-aqwa prodotti għal klijenti Maltin”.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej Alex Agius Saliba nnota l-impenn tal-kumpanija li tinvesti fir-riċerka biex permezz tal-intelliġenza artifiċjali qed tadotta sistemi innovattivi fil-linja tal-produzzjoni tagħha. Spjega kif dan huwa l-mod kif kumpaniji Maltin għandhom joperaw biex itejbu l-effiċjenza fil-produzzjoni, bl-użu ta’ prodotti lokali mkabbra minn bdiewa Għawdxin u Maltin, u fl-istess waqt bil-ħolqien ta’ iktar impjiegi ta’ kwalità.

Dr Agius Saliba qal: “Dan huwa mod eżemplari ta’ meta kumpanija tiddiversifika u tespandi l-operat tagħha bil-għan li timraħ barra minn Malta. Dan kollu jinkwadra mal-politika tal-Gvern, bil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-kuxjenza ambjentali u l-metodi diġitali li qed jadotta pajjiżna biex iżomm mar-ritmu ekonomiku għaż-żmien li ġej.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport