Sunday, December 22, 2024

“Il-PL mhu jagħmel xejn fil-qasam tas-saħħa filwaqt li l-PN bena sptar state of the art”

Grech jisħaq li l-persuna għal Kummissarju tal-Istandards m'għandhiex il-fiduċja tal-Oppożizzjoni u ta' ħafna oħrajn

Aqra wkoll

“Se tkun sena ġdida imma nafu li se nsibu l-istess Labour, l-istess Partit Laburista, l-istess gvern Laburista, bl-istess tattiċi u manuvri biex jipprova dejjem tgħaddi tiegħu”. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt intervista fuq Net TV fejn minkejja bidu ta’ sena ġdid kompla bl-attakki tiegħu fuq il-Prim Ministru billi sostna ripetutament li huwa wieħed arroganti u li se jibqa’ jagħmel minn kollox biex tgħaddi tiegħu. Rigward l-ambizzjonijiet ta’ din is-sena, huwa qal li se jibqa’ lest biex jiddiskuti, iżda baqa’ jisħaq li fost l-oħrajn il-gvern bl-emenda li tipproteġi l-omm f’kumplikazzjonijiet, se jkun qiegħed idaħħal l-abort f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest għall-ħidma parlamentari tant li s-Sibt tlaqqa’ l-grupp għal laqgħa ta’ ħames sigħat fejn ġew diskussi diversi temi bi tħejjija għal ħidma li tkompli għada. Rigward il-ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards, Grech qal li l-Prim Ministru ma jikkonsulta ma’ Ħadd u jibża’ li jaċċetta bidliet mingħand ħaddieħor. Huwa qal li dan mhux iseħħ biss f’dan il-każ, iżda anke f’oqsma oħrajn. Grech qal li din il-persuna xogħolha huwa li jinvestiga l-ħidma tal-Prim Ministru u l-Ministri u l-bqija tad-deputati biex jara li l-ħidma tagħhom qiegħda timxi skont l-etika u l-istandards. Żied jgħid li meta saret il-liġi ftit tas-snin ilu, il-parlament qabel fuq liġi li biex tintagħżel persuna għal dan l-irwol irid ikollok żewġ terzi tal-Kamra u li jekk ma jkunx hemm ftehim jibqgħu jiddiskutu sakemm ikun hemm ftehim. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Oppożizzjoni tibqa’ kontra l-anti-deadlock għax skontu l-mod kif jasal huwa d-djalogu. Grech qal li l-gvern b’dan il-mekkaniżmu se jkun qiegħed idgħajjef dan l-irwol billi jbiddel ir-regoli biex ikun jista’ jagħżel persuna waħdu. Filwaqt li rrepeta għal bosta drabi li l-Prim Ministru huwa arroganti, Grech qal li se tkun qiegħda tintgħażel persuna li m’għandhiex il-fiduċja tal-Oppożizzjoni u ta’ ħafna nies f’sistema li hu sejjaħ bħala “anti-demokratika”. Huwa qal li l-Oppożizzjoni tibqa’ fiduċjuża li tasal permezz tal-konsultazzjoni u lest li jibqa’ jiddiskuti mal-Prim Ministru sakemm tinstab persuna, raġel jew mara li televa dan l-irwol għall-ġid tal-poplu kollu.

Rigward il-mediċini out of stock, Grech qal li din hija problema li fiha l-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom dawk li għandhom bżonn dawn il-mediċini li jingħataw bla ħlas lil persuni ta’ kull età. Filwaqt li d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet kien ċar li huma biss waħdiet l-mediċini fuq il-formularju tal-gvern li jinsabu out of stock, Grech qal li hawn familji li qed ikollhom jixtru l-mediċini minn buthom b’detriment għall-kwalità tal-ħajja tagħhom. Huwa ħeġġeġ lin-nies biex jibatu lill-midja nazzjonalista biex tibat kull forma ta’ prova inklużi ritratti u filmati biex ikun jista’ jkompli jkun il-vuċi biex itejjeb is-sistema. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li filwaqt li gvern nazzjonalista investa fi sptar state of the art, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tas-Saħħa m’għamlu xejn ħlief li taw l-Isptarijiet lill-barranin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-emenda fil-liġi li tħares is-saħħa tal-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u mill-ġdid saħaq li din hija liġi li se tintroduċi l-abort f’pajjiżna. Huwa qal li minkejja li hemm kritika “minn kullimkien” għal din il-liġi, il-Prim Ministru mhux jammetti li din hija emenda li se tintroduċi l-abort. F’dan ir-rigward il-Ministru Fearne meta kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fl-aħħar jiem saħaq li l-emenda tinkludi t-terminu “vijabbli” li se jkun ifisser li fejn hemm ċans li t-tarbija tgħix dan se jkun żgurat. 

Mistoqsi rigward ir-riformi interni, Grech qal li r-riforma hija bżonjuża kontinwament u kif wiegħed fil-passat, se jibqa’ jiżgura li l-Partit Nazzjonalista jkun Partit ħaj li jagħmel tiġdid biex ikompli jkun il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-PL isostni li l-mekkaniżmu tal-anti-deadlock hu maħsub biex kariga ma tibqax vakanti minħabba attitudni kapriċċuża mill-Kap tal-PN

Intant f’reazzjoni maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li f’kull okkażjoni li jkollu l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jibqa’ jaħrab il-fatt li kien hu stess li qabel dwar in-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għal kariga istituzzjonali. L-istqarrija tkompli li mhux biss l-ewwel qabel li jkun nominat għal Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards, iżda meta għawġulu jdejh qal li kien qed jaqbel man-nomina tal-Prim Imħallef Emeritu għall-kariga ta’ Ombudsman.

Il-Partit Laburista kompla biex jgħid li saħansitra fil-każ tal-Ombudsman il-kariga toħroġ mill-Kostituzzjoni ta’ Malta u għalhekk, l-Oppożizzjoni mhix kredibbli u li l-attitudni tal-Kap tal-Oppożizzjoni hi kapriċjuża. Żied jgħid li l-Parlament ma jistax ikun ostaġġ ta’ klikka li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista minn wara l-kwinti u li jekk Bernard Grech komdu ostaġġ dik affari tiegħu, iżda l-Parlament m’għandu qatt ikun ostaġġ.

Rigward il-mekkaniżmu tal-anti-deadlock, il-Partit Laburista qal li l-ħsieb tiegħu huwa li joħloq żblokk biex il-kariga ma tibqax vakanti jekk ikun hemm attitudni kapriċċuża bħal dik tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Temm jgħid li fuq kollox, dak propost, hu l-istess mekkanizmu li kienet ipproponiet l-istess Oppożizzjoni f’dokumenti tagħha u l-Kummissjoni Venezja.

Ekonomija

Sport