Thursday, August 28, 2025

Il-PM Abela jagħti kuraġġ waqt żjara li fiha żagħżugħ Palestinjan qed jirċievi l-kura medika f’pajjiżna

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żagħżugħ ta’ 15-il sena minn Gaża li qiegħed jirċievi kura medika f’pajjiżna u qed jagħmel progress fis-saħħa tiegħu permezz ta’ terapija li qed jingħata minn professjonisti fl-Isptar San Luqa. Dr Abela għamel kuraġġ lilu biex ikompli bit-terapija u jerġa’ jibda l-ħajja tiegħu kemm jista’ jkun possibbli b’mod indipendenti.

Ibrahim Mahir Wasfi Wishah,  inġab Malta f’April li għadda, flimkien ma’ nies oħra li kienu sfaw midruba f’Gaża. F’pajjiżna beda jingħata kura immedjata fl-Isptar Mater Dei għall-kumplikazzjonijiet ortopediċi li sofra f’siequ l-leminija, ikkawżati minn splużjoni meta kien Gaża. F’Lulju huwa ġie riferut għall-fiżjoterapija u assessjat fl-Orthotics and Prosthetics Unit (OPU) minn tim multidixxiplinarju li jinkludi prostetista, ortotista, u terapisti. Ilkoll flimkien, żviluppaw pjan ta’ riabilitazzjoni mfassal apposta biex Ibrahim ikun jista’ jirkupra u jgħix ħajja kemm jista’ jkun indipendenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon kif l-għajnuna umanitarja li qed tagħti Malta qed tħalli l-frott fosthom bl-irkupru taż-żagħżugħ Ibrahim u oħrajn bħalu li ntlaqtu mill-gwerra. Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Prim Ministru rringrazzja lill-professjonisti mediċi kollha li qed jgħinu lil dan iż-żagħżugħ u individwi oħra li bħal Ibrahim qed jirċievu kura medika f’pajjiżna. 

Malta kienet minn tal-ewwel fl-Unjoni Ewropea li sa mill-bidu tal-gwerra bdiet tilqa’ pazjenti għall-kura fl-isptarijiet Maltin. Il-Prim Ministru tenna kif pajjiżna se jibqa’ joffri għajnuna umanitarja, filwaqt li se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur il-paċi. Preżenti wkoll kien hemm l-Ambaxxatur Palestinjan Fadi Hanania.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport