Il-Prim Ministru Awstraljan Anthony Albanese ħabbar reviżjoni fl-aġenziji tal-intelliġenza kemm tal-pulizija kif ukoll dawk nazzjonali wara l-attakk f’Bondi Beach.
“L-atroċità ispirata mill-ISIS tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, issaħħaħ ir-realtà ta’ ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel b’rata mgħaġġla f’pajjiżna,” qal Albanese. “L-aġenziji tas-sigurtà tagħna jridu jkunu fl-aħjar pożizzjoni possibbli biex jirrispondu.”
Sadanittant, matul il-jum tal-Ħadd kienet osservata ġurnata nazzjonali ta’ riflessjoni biex jiġu mfakkra l-15-il persuna li nqatlu wara li żewġ irġiel armati fetħu n-nar waqt festival Lhudi fuq il-bajja ta’ Sydney.
Fost miżuri ta’ sigurtà stretti, inżammet ukoll minuta silenzju fis-18:47 ħin lokali, eżatt ġimgħa wara li seħħ dan il-każ.
Il-pulizija qed tallega li l-attakk tal-14 ta’ Diċembru, li ddikjarawh bħala inċident terroristiku, twettaq minn missier u iben, ispirati mill-“ideoloġija tal-Istat Islamiku”.
Naveed Akram, ta’ 24 sena, ġie akkużat b’59 reat, inklużi 15-il akkuża ta’ qtil u waħda ta’ att terroristiku. Missieru, Sajid, inqatel waqt l-attakk.
Albanese qal li r-reviżjoni tal-intelligence, li mistennija ssir sa April 2026, se tiffoka fuq li tiżgura li l-awtoritajiet ikunu mgħammra biex jindirizzaw l-estremiżmu.

