Il-Ġimgħa filgħaxija, Żgħażagħ Laburisti nedew il-kampanja INDAQS – kampanja li se tkun il-mutur wara l-ħidma ta’ din il-fergħa fi ħdan il-Partit Laburista għas-sentejn li ġejjin.
INDAQS se tkun qed tindirizza t-tema tal-ugwaljanza fil-fehma wiesgħa tagħha.
B’hekk matul dawn is-sentejn Żgħażagħ Laburisti se jkunu fuq quddiem nett b’kampanji u proposti rigward diversi suġġetti fosthom is-saħħa sesswali, l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu bejn ir-raġel u l-mara, il-ġenerazzjoni aktar avvanzata fl-età u fl-istess waqt, il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa fis-soċjetà tagħna. Dawn huma biss ftit eżempji tal-ħidma li hemm pjanata mill-fergħa żagħżugħa għas-snin li ġejjin.
Hekk kif din il-kampanja tnediet fix-xahar ta’ Settembru li huwa wkoll magħruf bħala pride month, it-tnedija kienet waħda aktar iffokata fuq il-komunità LGBTIQ+ fejn tkellmu diversi attivisti f’dan il-qasam.
Fost iż-żgħażagħ u diversi organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela sostna li rridu nkunu kburin bir-riżultati li bħala pajjiż irnexxielna niksbu, iżda fakkar ukoll fil-ħidma li għad irridu nagħmlu sabiex niksbu aktar fil-qasam tal-ugwaljanza.
Il-Mexxej Laburista rrimarka li x-xahar ta’ Settembru li huwa ddedikat b’mod partikolari għall-pride fir-rigward tal-komunità LGBTIQ+, jagħti l-opportunità u jitfa’ d-dawl fuq dawk il-kwistjonijiet li għadhom ma ntlaħqux.
Fil-jum li tħabbru protokolli ġodda dwar id-donazzjoni tad-demm, li permezz tagħhom se titwarrab għalkollox diskriminazzjoni li kienu jaffaċjaw persuni fi ħdan il-komunità LGBTIQ+, miżura li Żgħażagħ Laburisti kemm -il darba semmgħu leħinhom dwarha, il-Prim Ministru sostna li din hija eżempju konkret ta’ ħidma li għaddejja favur din il-komunità f’pajjiżna.
Dr Abela sostna li Gvern Laburista għandu r-rieda u kredibilità sabiex pajjiżna dejjem jibqa’ fuq quddiem nett. Hu temm id-diskors tiegħu billi qal li l-bidla ma tista’ tieqaf qatt u ta impenn ta’ appoġġ liż-żgħażagħ biex ikomplu jisfidaw l-istatus quo.
Fil-Valletta Design Cluster, il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja sostna li aħna lkoll bnedmin u għaldaqstant kollha ndaqs. Bugeja qal li rridu naħdmu sabiex fiż-żmien li ġej ngħixu ħajja aħjar milli qed ngħixu llum u huwa dan il-prinċipji li se jwitti l-ħidma tal-fergħa żagħżugħa fil-kampanja INDAQS.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.