Il-Prim Ministru Robert Abela bagħat ittra oħra lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jieħu pożizzjoni ċara dwar il-kariga ta’ Prim Imħallef.
F’din l-ittra l-Prim Ministru Dr Robert Abela għamilha ċara li l-iżvilupp Kostituzzjonali li daħħal fis-seħħ il-ħtiega ta’ vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament għall-ħatra ta’ Prim Imħallef, seħħ f’Lulju tal-2020 u għaldaqstant, din se tkun l-ewwel darba li se jinħatar Prim Imħallef b’vot mandatorju ta’ żewġ terzi.

Għalhekk, il-Prim Ministru sostna li l-argument li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg li hemm xi prinċipju stabbilit, u prassi segwita b’mod konsistenti tul is-snin, mhuwiex korrett.
Anzi jirriżulta li huwa proprju l-oppost hekk kif il-predeċessur tiegħu Dr Bernard Grech kien ressaq tlett ismijiet pubblikament u bil-miktub għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Ironikament, uħud minn dawk proposti lanqas biss kienu ġew konsultati minnu, qabel semmihom pubblikament.
Il-Prim Ministru tenna li r-rispett lejn il-kariga u fuq kollox lejn kull Membru tal-Ġudikatura jintwera billi I-kunsiderazzjonijiet ikunu msejsa fuq il-kompetenza, il-kredenzjali, I-esperjenza, is-snin ta’ servizz u l-integrità tal-individwu.
Intqal li jkun ta’ disservizz pubbliku u inġust li wieħed jiskarta dan kollu, u jibbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq kunsiderazzjonijiet oħra li huma irrilevanti għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Ġie aċċennat li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għandha I-kwalitajiet meħtieġa u I-kredenzjali kollha nečessarji sabiex twettaq id-dmirijiet ta’ din il-kariga.
F’dan ir-rigward, b’sens ta’ responsabbiltà, maturità u anke rispett, il-Prim Ministru Dr Robert Abela reġa’ appella lill-Oppożizzjoni biex tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara dwar il-persuna proposta mill-Gvern sabiex tokkupa l-kariga ta’ President tal-Qorti.

