Saturday, December 14, 2024

Il-PM fi Brussel biex jattendi Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela bħalissa jinsab ġewwa Brussell biex jattendi Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew li se jkun qed jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.

F’kummenti li ta lil midja Maltija qabel dan is-summit, Dr Abela tkellem dwar l-impatt dirett tas-sanzjonijiet li l-Unjoni Ewropea mistennija timponi fuq ir-Russja.

Fil-kummenti tiegħu huwa qal: “Diġà għamilna analiżi ta’ x’jista’ jkun l-impatt pero ma jidhirx li l-impatt dirett se jkun sinifikanti. Hemm bejn 60  u 70 bastiment li jġorru l-bandiera Maltija li huma maqbudin fil-portijiet tal-Ukrajna. Hemm żewġ ajruplani wkoll li huma rreġistrati f’Malta li qegħdin maqbudin hemmhekk ukoll.”

Żied jgħid: “Segwejna wkoll li hemm numru ta’ investituri Maltin fir-Russja li dawk iva jistgħu jiġu impattati jekk ikun hemm friża tas-sistema bankarja. Iżda qegħdin nimmonitorjaw sew is-sitwazzjoni biex inkunu nistgħu nagħtu assistenza lil dawk l-investituri jekk ikun il-bżonn kif fl-istess waqt qegħdin insegwu sew il-kwistjoni tal-prezz tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-enerġija, primarjament iż-żejt u l-gass naturali.”

“Diġà dalgħodu tkellimt u tajt il-garanzija lill-poplu tagħna li se jibqa’ jkun hemm l-istabbiltà fil-prezz, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi”, qal Dr Abela.

Żied jgħid li l-fatt li Malta tkellmet favur il-poplu Ukren, ifisser li tkellmet favur il-paċi u favur il-ħajja, iżda fi kliemu dak ma jfissirx li tkellmu b’mod li xekklu l-prinċipji tan-newtralità.

Ekonomija

Sport