Il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jattendu summit ta’ emerġenza fi Brussell ħabbar li dawk il-ħaddiema kollha li waqt iċ-ċiklun Harry taw kontribut li jmur lil hemm min dak li hu mistenni minnhom, u fil-qadi normali ta’ dmirijiethom se jingħataw allowance speċjali ta’ rikonoxximent u b’turija ta’ apprezzament għal dak li għamlu.
Dr Abela qal ukoll li jixtieq jibgħat messaġġ u sinjal ta’ rikonoxxenza għad-dedikazzjoni u l-lealtà lejn is-servizz mogħti minn dawn il-persuni.
Waqt li kien qiegħed jitkellem mal-midja, Dr Abela qal li fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jitħabbru aktar dettalji dwar dan l-allowance speċjali.
Hu radd ħajr lill-entitajiet li ħadmu matul il-maltempata u kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi tal-kooperazzjoni li wera.

