Sunday, July 20, 2025

Il-PM iħabbar il-ħruġ tas-sejħa għall-offerti għall-estensjoni tal-Ward tal-Psikjatrija

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li għadha kif ħarġet is-sejħa għall-offerti biex jiġi estiż l-ispazju għall-Ward tal-Psikjatrija fl-Isptar Mater Dei. 

Meta kien qed jiġi intervistat fuq ONE, Dr Abela spjega kif il-kura għas-saħħa mentali akuta trid tingħata fi spazju biswit Mater Dei għax b’hekk tinqata’ d-distinzjoni bejn il-pazjenti.  Qal li b’dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali, il-Gvern se jkun qed ikompli jinvesti iktar fis-saħħa mentali, kif għamel fix-xhur li għaddew għall-kura mhux akuta li qed tingħata b’servizz fil-komunità. 

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa impenjat biex jibqa’ jinvesti fis-saħħa, tant li hemm il-ħsieb ukoll li ċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) tiġi rilokata f’binja ġdida biex ikompli jitjieb is-servizz li qed jingħata fil-kura tat-tfal, simili għal dak li qed isir bħalissa f’Għawdex.

Tkellem ukoll dwar iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) fejn qal jingħata l-aqwa servizz lill-pazjenti morda bil-kanċer.  Dr Abela spjega kif il-Gvern qed jinvesti sew fil-kura paljattiva kemm f’din it-taqsima, fil-Hospice u fil-kura fid-djar tan-nies biex ikollhom l-aqwa servizz. 

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern għad għandu l-aptit u r-rieda biex itejjeb il-ħajja tan-nies, tant li hu jiġri wara kull persuna, partikolarment dawk li għandhom bżonn l-aktar għajnuna, għax il-bżonn ta’ kull persuna huwa uniku.

Is-suċċess tal-pajjiż se jitkejjel bil-kwalità tal-ħajja

Dr Abela qal li fil-Viżjoni Malta 2050, is-suċċess tal-pajjiż mhux se jitkejjel biss bit-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll bil-kwalità tal-ħajja tan-nies, li mhux għal kulħadd hija l-istess, u għalhekk kienet meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ poplu sħiħ fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.  Sostna li b’dan id-dokument, għall-ewwel darba Malta se jkollha viżjoni ta’ 25 sena li se jkun il-legat ta’ dan il-pajjiż.

Mistoqsi dwar l-emendi fil-liġi taċ-ċittadinanza, il-Prim Ministru wieġeb li hemm rabja għal min għamel il-ħsara fil-konfront ta’ pajjiżna għax il-programm ta’ qabel kien ħoloq ħafna ġid, li minnu bbenefikaw fost l-oħrajn għaqdiet soċjali, sportivi u kulturali, kif ukoll ġew salvati mijiet ta’ impjiegi fil-Covid.  Qal li l-Partit Nazzjonalista baxxa rasu kożmetikament għall-emendi għax fil-verità għadu kontra.

Dr Abela saħaq li l-Gvern baqa’ sod li ċ-ċittadinanza hija prerogattiva nazzjonali u dritt ta’ Malta, tant li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mkien ma’ qalet li mhix.  Spjega kif il-mod li bih saret ir-riforma se tingħata ċittadinanza bil-mertu, u allura l-benefiċċju li kien jidħol se jibqa’ hemm, tant li l-ekonomija mhux se tbati, iżda fl-istess waqt se nserru moħħ il-Kummissjoni Ewropea li mhux se niksru l-liġi.

Il-ħidma bla waqfien mill-Gvern

Dwar il-Malta Labour Migration Policy, il-Prim Ministru qal li l-barranin li jiġu  jaħdmu Malta għandhom jiġu trattati b’dinjità.  Saħaq iżda li din il-policy se tara li min ma jistħoqqlux ma jidħolx f’pajjiżna, u l-barranin se jiġu meta meħtieġ biss.

Tkellem ukoll dwar it-trakka tal-karozzi, li kienet imwegħda lid-dilettanti, b’Dr Abela jenfasizza li din se titlesta sal-aħħar ta’ din il-leġislatura.  Semma kullana ta’ proġetti oħrajn li qed iwettaq il-Gvern fosthom dak tal-breakwater f’San Pawl il-Baħar, l-Imsida Creek, u l-ftuħ taċ-Ċentru Ċensu Moran.

Il-Prim Ministru qal li hu wiegħed li se jkun umli man-nies u se jaħdem iktar kemm bħala Gvern u anke bħala partit, tant li fl-aħħar xhur ma waqafx jiltaqa’ man-nies u jisma’ x’għandhom xi jgħidu, biex f’Ottubru ħafna minn dak li qalulu n-nies ikunu nklużi fil-Budget għas-sena d-dieħla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport