Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li se ssir diskussjoni dwar il-leave għall-korriment (miscarriage leave) biex koppji li jkunu għaddew minn dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli f’ħajjithom ikollhom dan il-leave speċjali. Dr Abela spjega kif din hija inizjattiva b’saħħitha, li se tagħmel differenza sew fil-kwalità tal-ħajja tal-koppji.
Dr Abela rrefera wkoll għad-diversi drittijiet ġodda li ngħataw lill-ħaddiema u l-familji. Semma l-konkorrenza qawwija s-sena l-oħra fit-teħid tal-leave tat-tieni ġenitur fis-settur privat. Qal li minn 400 missier, l-aħħar ċifri juru li dawn jammontaw għal 700 missier li qed jieħdu dan il-leave, miżura soċjali li sostna qed tagħmel differenza kbira lill-familji.
Miżura oħra li semma l-Prim Ministru hija tal-pink tax, li tħabbret fil-Budget għal din is-sena, intiża biex titneħħa t-taxxa mill-prodotti sanitarji, u b’hekk ebda mara ma taqa’ lura fl-hekk imsejjaħ period poverty.
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista huwa champion tat-temi tad-drittijiet ċivili għax jemmen fl-ugwaljanza tant li mindu bħal-lum eżatt 12-il sena kien elett fil-Gvern, ħadem biex jidentifika l-isfidi, isib soluzzjonijiet u jdawwarhom f’opportunitajiet biex pajjiżna jkun suċċess. Qal li waħda mill-kisbiet ewlenin ta’ Gvern Laburista fl-aħħar 12-il sena hi li rnexxielu jżid ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol bi 30%, għax minn 44% din telgħat għal 74%.
Qal li s-soċjetà hija magħquda u determinata li tiddiskuti temi li jagħmlu differenza f’ħajjitna, bħalma kienet id-diskussjoni li saret dalgħodu li minnha ħarġu bosta ideat li għandhom iwasslu biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Matul id-diskussjoni saru diversi interventi, fosthom minn Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, li qalet hi u l-Prim Ministru għandhom tifla ta’ 13-il sena li qed jgħallmuha l-importanza kif bħala mara għandha forza qawwija, valuri li ħadd ma jista’ jeħodomlha, u vuċi li tista’ tużaha.
Dr Lydia Abela qalet li fl-aħħar 10 snin sar ħafna progress fl-ugwaljanza iżda xorta jonqos xi jsir f’dan ir-rigward, għax spjegat kif ir-rata tal-progress trid tiġi aċċellerata biex in-nisa u l-irġiel ikunu ugwali. Sostniet li din tista’ ssir permezz tal-edukazzjoni li hija ċ-ċavetta għall-kisba tal-ugwaljanza, u s-sehem attiv tal-irġiel fil-kisba għall-ugwaljanza.
Matul id-diskussjoni saru għadd ta’ interventi minn individwi li jirrappreżentaw entitajiet u setturi varji tas-soċjetà li lkoll esprimew fehemthom dwar kif għandhom jiġu ndirizzati kwistjonijiet ta’ ugwaljanza biex pajjiżna jibqa’ jagħmel progress f’dan il-qasam ukoll.