Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Keir Starmer appella lill-mexxejja Ewropej biex irażżnu l-liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex l-istati jkunu jistgħu jieħdu azzjoni aktar iebsa biex jipproteġu l-fruntieri tagħhom u jwaqqfu wkoll iż-żieda tal-lemin populista madwar il-kontinent Ewropew.
Qabel summit Ewropew kruċjali lbieraħ, il-Prim Ministru Starmer ħeġġeġ lill-membri sħabu biex “imorru lil hinn” fil-modernizzazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) biex jipprevjenu lil dawk li jfittxu ażil milli jużawha biex jevitaw id-deportazzjoni.
Il-Partit Laburista Ingliż ġie kkritikat talli appella għal dawn il-bidliet, b’attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u xi Membri Parlamentari jargumentaw li l-bidliet tal-gvern jistgħu jiftħu l-bibien għal pajjiżi biex jabbandunaw lil xi wħud mill-aktar nies vulnerabbli fid-dinja.
Lejlet is-summit tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, l-atturi Michael Palin, Stephen Fry u Joanna Lumley kienu fost 21 persuna magħrufa li talbu lil Starmer biex iwaqqa’ l-pjanijiet biex idgħajjef il-liġi tad-drittijiet tal-bniedem u minflok jieħu pożizzjoni ta’ prinċipju għall-vittmi tat-tortura.
Skont bidliet kbar imħabbra x-xahar li għadda, il-Gvern irid jintroduċi miżuri biex iwaqqaf lil dawk li jfittxu ażil milli jużaw id-drittijiet tagħhom fil-konvenzjoni tad-drittijiet tal-bniedem biex jevitaw id-deportazzjoni. Il-Konservattivi u r-Reform UK appellaw għall-irtirar għalkollox tar-Renju Unit mill-konvenzjoni.
F’kitba li dehret fil-ġurnal The Guardian, il-Prim Ministru Starmer qal li l-aġġornament tal-interpretazzjoni tal-konvenzjoni kien meħtieġ b’mod urġenti biex jiġu affrontati l-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni tal-massa li dwarhom il-forzi tal-lemin estrem ppruvaw jaqsmu l-opinjoni madwar l-Ewropa.
“L-aħjar mod kif niġġieldu kontra l-forzi tal-mibegħda u d-diviżjoni huwa li nuru li l-politika mainstream u progressiva tista’ tirranġa u ssolvi din il-problema,” kiteb f’artiklu konġunt mal-mexxejja Daniża, Mette Frederiksen.
Iż-żewġ mexxejja appellaw lill-alleati Ewropej biex jimxu aktar fl-indirizzar tal-isfida kondiviża tal-migrazzjoni billi jimmodernizzaw il-Konvnzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tirrifletti l-isfidi tas-seklu 21.
Ir-Renju Unit fittex li jimita l-mudell iebes ta’ ażil tad-Danimarka. Is-sena l-oħra, l-għadd ta’ nies li ngħataw ażil fil-pajjiż kien l-inqas f’40 sena, minbarra l-2020 li kienet matul il-pandemija tal-Covid.
Id-dikjarazzjoni politika proposta li tirriżulta mis-summit iġġorr piż politiku sinifikanti u, jekk tiġbor biżżejjed firmatarji, tista’ tinfluwenza direttament kif il-qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem tinterpreta u tapplika d-drittijiet tal-Konvenzjoni.
Il-bidliet kbar fis-sistema tal-ażil tar-Renju Unit seħħew fl-isfond tar-Reform UK ta’ Nigel Farage li ġibed lejh appoġġ qawwi minħabba n-nuqqas ta’ gvernijiet suċċessivi li jwaqqfu l-qsim mhux awtorizzat b’dgħajjes żgħar fil-Kanal Ingliż u l-inkwiet dwar l-użu ta’ lukandi biex jakkomodaw lil dawk li qed ifittxu ażil.
Dawn jinkludu miżuri bħall-obbligu li persuni bi status ta’ refuġjat jirritornaw lejn pajjiżhom jekk isir sigur, li persuni li jaslu illegalment jistennew 20 sena qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għal akkomodazzjoni permanenti, u li jiġi rrevokat id-dmir legali statutorju li jiġi pprovdut appoġġ lil dawk li qed ifittxu ażil, inkluż akkomodazzjoni u allowances ta’ kull ġimgħa.

