Saturday, December 21, 2024

Il-PM Ingliż iħejji għal ribeljoni oħra fil-partit tiegħu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Rishi Sunak qed iħejji għal ribeljoni potenzjali oħra mid-deputati tal-lemin fil-partit konservattiv hekk kif l-abbozz ta’ liġi tar-Rwanda reġa lura lejn il-House of Commons il-bieraħ. 

F’dan l-isfond, Rishi Sunak qed jitkellem mal-kollegi kollha biex ifittex li jevita r-ribelljoni minħabba l-politika ewlenija tiegħu li jibgħat lejn ir-Rwanda lil dawk li jfittxu l-ażil fl-Ingilterra.

Il-Prim Ministru qed jiffaċċja dilemma dwar il-kwistjoni ta’ jekk għandux isaħħaħ l-abbozz ta’ liġi sabiex irażżan lil dawk fuq il-lemin tal-partit tiegħu jew jibqax għaddej bil-ħsiebijiet tiegħu.

Jekk imur lil hinn, madankollu, jissogra li jitlef l-appoġġ tal-fergħa aktar ċentrista tat-Tories, li diġà jħossu li l-abbozz jista jmur kontra l-konfini tal-liġi internazzjonali.

L-emendi huma mfassla biex jagħlqu l-maġġoranza l-kbira tar-rotot użati mill-migranti, partikularment tal-Kanal Ingliż, filwaqt li jħallu ftit eċċezzjonijiet, bħal meta migrant ma jkunx tajjeb biex isiefer (inkluża t-tqala), jew meta jkun taħt it-18-il sena.

Huwa mifhum li l-emendi huma appoġġjati minn madwar 56 parlamentari Tory, inklużi dik li sa ftit ilu kienet s-segretarja tad-dar Suella Braverman li reċentement tkeċċiet mill-kabinett, l-eks ministru Sir Jacob Rees-Mogg u mexxejja tal-Konservattivi Ġdda Danny Kruger u Miriam Cates.

Il-ġurnal The Times irrapporta wkoll li s-Segretarju tan-Negozju Kemi Badenoch kienet wissiet lill-assistenti tal-Prim Ministru li l-abbozz ma jmurx ‘il bogħod biżżejjed u li jeħtieġ li jiġi ssikkat aktar ħalli l-migranti ma jkunux jistgħu jressqu appelli individwali kontra t-tneħħija tagħhom ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

Madankollu, jekk Rishi Sunak iċedi għat-talbiet tar-ribelli, jkun qed jissogra li jitlef l-appoġġ tal-grupp One Nation li hu aktar ċentrist.

Sadanittant, il-bieraħ filgħaxija, żewġ viċi presidenti fuq il-lemin tal-partit, Lee Anderson u Brendan Clarke-Smith, ikkonfermaw li se jappoġġjaw l-emendi tar-ribelli. L-istqarrija tagħhom ħolqot dubji dwar jekk għandhomx jibqgħu fil-kariga tagħhom.

Ftit sigħat qabel beda d-dibattitu, l-eks Prim Ministru Boris Johnson ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari biex jappoġġjaw il-bidliet, u stqarr fuq il-midja soċjali li “il-gvernijiet madwar id-dinja qed jippruvaw jimitaw il-politika tar-Renju Unit biex jindirizzaw it-traffikar illegali ta’ nies.

Żied jgħid li dan l-abbozz għandu jkun legalment robust kemm jista’ jkun u l-kors it-tajjeb huwa li jiġu adottati l-emendi.

Il-pjan, li jifforma parti mill-istrateġija tal-prim ministru Sunak biex “iwaqqaf id-dgħajjes”, ingħata daqqa ta’ ħarta s-sena l-oħra meta l-Qorti Suprema ddeċidiet din il-politika bħala illegali fuq il-bażi li kien hemm riskju li refuġjati ġenwini mibgħuta fir-Rwanda jistgħu jintbagħtu lura lejn pajjiżhom bil-possibilta li jiffaċċjaw “trattament ħażin”.

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Suprema, l-prim ministru kien imġiegħel jemenda l-abbozz biex jindirizza t-tħassib li kien hemm.

L-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Sigurtà tar-Rwanda huwa mfassal biex jippermetti lill-parlament jikkonferma li r-Rwanda hija “pajjiż sigur”.

B’mod kontroversjali, il-leġiżlazzjoni tagħti lill-ministri s-setgħat li jinjoraw taqsimiet tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iżda ma tasalx safejn tippermettilhom li jwarrbu għal kollox il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR).

Ekonomija

Sport