Saturday, December 14, 2024

Il-PM iqis il-vot dwar l-emenda li tħares is-saħħa tal-mara f’periklu waqt it-tqala bħala storiku

Għada jagħlaq l-istadju parlamentari fl-emenda li tħares is-saħħa tal-mara f'każ ta' kumplikazzjonijiet waqt it-tqala

Aqra wkoll

“Il-prinċipju tal-emenda kien dejjem il-ħarsien tal-mara. U dak il-prinċipju jibqa’. Tlaqna minn punt li l-avukat tal-istat qalilna li anke jekk mara, li tkun qiegħda tmut, tintemmilha t-tqala biex ħajjitha tkun salvatha hi u l-professjonist mediku, sal-lum, jirriskjaw priġunerija. B’parir bħal dak f’idejh, il-Gvern ma setax jibqa’ ċass. U għalhekk morna għall-bidla. Bidla li għalija kienet tidher ovvja, iżda li forsi għal ħafna ma kinitx.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’intervista fuq ONE Radio fejn saħaq kif fl-aħħar xahar fid-djalogu li l-Gvern kellu ma’ nies minn oqsma differenti u bi ħsibijiet differenti, hemm kunsens ġenerali li l-liġi ma setgħetx tibqa’ kif inhi. 

“Sal-lum mara tqila li jsir intervent mediku fuqha biex issalva ħajjitha tista’ teħel pien ta’ priġunerija… Bil-bidla, jista’ jsalva minnufih ħajja ta’ mara li tkun f’periklu mmedjat. Ħa nkun ċar ħafna, jekk hemm periklu mmedjat, allura jaqbad u jaġixxi. Minnufih.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll li fis-soċjeta’ tal-lum, il-kelma saħħa tintuża għal kull kundizzjoni u allura ma setax ikun hemm distinzjoni. Fl-istess ħin kulħadd beda jifhem li kien hemm anke ħafna spin u qerq fuq dan kollu. Jiġifieri fid-diskussjonijiet li kellna pperswadejna. U anke min kien qed imexxi kampanji ta’ spin, fehem li kellu jagħmel pass lura għax il-gvern kien qed jikristalizza dak li ried mill-bidu nett u l-poplu fehem. 

Robert Abela emfasizza kif din hija turija oħa kif ir-riformi huma sinonimi mal-ħidma ta’ dan il-gvern. Emenda oħra li ressaq dan il-Gvern aktar kmieni llum kienet l-assigurazzjoni ta’ aktar liberta’ tal-kelma għax kellek stanzi fejn bdew isiru kwereli fil-konfront tal-artisti, il-pulizija bdew jibagħtu għal dawn l-artisti, satiriċi fost oħrajn u jieħdu l-każ il-qorti biex tiddeċiedi hi. 

“Aħna ħadna pożizzjoni ċara ħafna. Għidna li ebda artist m’għandu jmur il-Qorti fuq kumment satiriku. Għal dan il-Gvern, li minn dan il-pajjiż neħħa ċ-ċensura, din xi ħaġa li mhux aċċettabbli u allura aġixxejna mill-ewwel biex inserrħu ras l-artist, li dan il-pajjiż jemmen fil-liberta’ tal-espressjoni artistika.”

It-tranżizzjoni ekonomika tfisser xogħol ta’ kwalita’ aħjar.

“Il-Gvern se jagħti appoġġ sħiħ lil dawk l-investituri li jifhmu li jeħtieġ enfasi ikbar fuq l-innovazzjoni u l-kwalità. Kull settur huwa importanti, iżda daqstant ieħor importanti li kull settur jifhem li l-prattiċi u l-prijoritajiet ta’ għaxar, ħames snin ilu, illum iridu jkomplu jinbidlu fejn  l-innovazzjoni u t-teknoloġija għandhom ikunu għodda importanti biex kull ċittadin iħoss li dak li qed isir, qed isir b’rispett lejh. U għalina dan mhux diskors imma xogħol fil-prattika.”

Il-Prim Ministru qal ukoll kif fl-aħħar jiem, kien hemm l-assessjar pożittiv li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fit-talba tagħna għall-emenda fil-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP). 

“It-talba tagħna kienet preċiżament tikkonsisti favur aktar proġetti ta’ enerġija rinnovabbli. Nemmnu tassew li dan kollu se jwitti t-triq lejn investiment sostanzjali fir-rinovabbli fosthom fi proġetti bħall-impjanti ta’ ħażna ta’ enerġija rinnovabbli fil-Marsa u Delimara.”

Il-Prim Minisru temm b’messaġġ ċar dwar kif l-investiment f’pajjiżna se jkompli jġib aktar investiment. 

“Bħala gvern se nibqgħu ninvestu f’pajjiżna. Irridu pajjiż li joffri opportunitajiet aqwa, pajjiż isbaħ u pajjiż iktar modern.”

Ekonomija

Sport