Wednesday, April 24, 2024

Il-PM isostni li l-għażla tat-8 ta’ Ġunju hija kruċjali fl-għajta favur il-paċi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illi l-Oppożizzjoni qiegħda tinċentiva l-gwerra m’għidtux jiena. Qaluh l-istudenti fl-Awstrija li għax esprimew l-opinjoni tagħhom kien hemm min ġabilhom il-Pulizija. Mur ġib kieku aħna ġibna l-pulizija lill-istudenti. Id-demokrazija għall-Oppożizzjoni bħall-Menu, fejn jaqbillek.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija Ministerjali fejn fost affarijiet oħra saħaq dwar l-impenn tal-gvern Malti favur il-paċi. 

Huwa rrefera għall-fehma tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda Antonio Guterres li rrimarka kif ġewwa Gaża fl-aħħar xhur mietu aktar ċittadini komuni innoċenti milli mietu fl-aħħar sentejn fl-aħħar gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. 

Malta tibqa’ sservi ta’ Eżempju

Abela żied jinnota wkoll li f’intervent speċifiku li għamel Guterres f’mument minnhom irringrazzja lil Malta u l-Islovenja tal-ħidma fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda, liema ħidma serviet biex tgħaqqad fi żmien fejn id-diverġenzi kienu kbar u li għamlet ġieħ mhux biss liż-żewġ pajjiżi imma l-Unjoni Ewropea b’mod sħiħ.

Salvagwardjata l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u fl-intervent tiegħu hemmhekk, il-Prim Ministru Malti qal li fl-isfond ta’ aktar pressjoni biex tiżdied in-nefqa fid-difiża u fis-sigurtà, hu ried li pajjiżna jkollu s-salvagwardji meħtieġa biex tiġi ssalvagwardjata l-kostituzzjoni ta’ Malta. 

Fid-diskussjonijiet tal-Kunsill il-Prim Ministru qal li hemm kurrenti u pressjoni kbira biex tiżdied in-nefqa fid-difiża, fl-armamenti, l-armati u l-industrija tal-gwerer. Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li din l-industrija għaddejja b’laqgħat ma’ uffiċjali għolja tal-Unjoni Ewropea u l-politiċi qed jużaw is-sitwazzjoni preżenti biex jiżdied l-investiment fit-teknoloġiji tal-gwerra minflok sforz ġenwin li tiġi promossa l-paċi.

Huwa kien ċar u se jibqa’ konsistenti dwar il-fatt li pajjiżna se jibqa’ jaħdem biex jippromwovi l-paċi. “Madanakollu hemm min huwa interessat fl-armi u jrid jagħti ċans lill-industrija tal-gwerra li tkabbar il-profitti. Dawn il-mexxejja se jiġu ġudikati mill-popli tagħhom. Il-poplu tagħna se jiġġudikana wkoll fuq il-prinċipji li qed nadottaw”, kompla biex jgħid il-Prim Ministru.

Hawnhekk huwa nnota b’sodisfazzjon kif pajjiżna rnexxielu jiżgura li l-konklużjonijiet ikollhom salvagwardja speċifika dwar ir-rispett lejn il-kostituzzjoni tagħna li daħlet f’żewġ istanti bl-iswed fuq l-abjad u kuntrarjament għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-intervent tiegħu, kellha tkun l-pożizzjoni tiegħu bħala mexxej tal-pajjiż li tiggarantixxi dan.

Il-PM sostna dwar it-tħassib serju quddiem realtà ta’ mwiet ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni u l-qbil li l-prinċipju tal-awtodifiża ma jistax jiġi abbużat u li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-liġi internazzjonali jridu jiġu obbduti. 

Abela nnota wkoll dwar laqgħa li kellu mal-Prim Ministri ta’ Spanja, l-Irlanda u l-Islovenja fejn qablu li s-soluzzjoni taż-żewġ stati hija l-iktar li tagħmel sens u li meta ċ-ċirkostanzi se jkunu ideonji se jagħmlu dan biex marru pass ’il quddiem milli mar il-Kunsill. 

Il-Kunsill jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-bdiewa

Fuq nota oħra, Il-Prim Ministru semma kif il-Kunsill qabel dwar il-ħtieġa imminenti ta’ għajnuna lis-settur Agrikolu kif fil-fatt qiegħed jagħti pajjiżna u l-bżonn tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jnaqqsu l-burokrazija, iżidu d-dħul tal-bdiewa, li jagħtu s-sapport meħtieġ filwaqt li jassiguraw li l-kompetizzjoni tkun waħda ġusta. 

Għajnuna favur Stabbiltà kontinwa

Tkellem ukoll dwar is-summit taż-żona Ewro u nnota kif inizjattivi bħal dik li kienet Stabbiltà għenet biex pajjiżna jkun is-suċċess ekonomiku li hu. 

Rigward l-għajnuniet kontra l-għoli tal-ħajja offruta mill-gvern Malti, il-Prim Ministru fakkar li l-Kummissjoni Ewropea riedet tqaċċat is-sussidji u l-Oppożizzjoni żammet magħha, iżda dan il-gvern ħa deċiżjoni favur in-nies u se jibqa’ jsostniha.
L-għażla tat-8 ta’ Ġunju se tkun kruċjali għall-futur tal-interess ta’ pajjiżna

“Għalhekk l-għażla tat-tmienja ta’ Ġunju hija waħda kruċjali biex fl-istituzzjonijiet Ewropej ikollna persuni li jġibu l-interess ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox. Kulħadd irid jagħżel x’futur li jrid ikollha l-Ewropa jekk hux dak favur l-industrija tal-armi u li ma tafx tgħid le għall-gwerer jew jekk irridux Ewropa li tfassal il-futur taċ-ċittadini tagħha madwar il-prinċipji tal-paċi, tan-newtralità u nonalineament għax magħna n-nies jafu fejn qegħdin”, temm jgħid Abela.

Sport