Friday, November 15, 2024

Il-PM isostni li l-gvern se jagħmel minn kollox biex is-sentenza tkun definittiva fl-iqsar żmien

Il-PM isostni li l-gvern m'għandu l-ebda problema jiddibatti dwar is-sentenza tal-Qorti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-sentenza ngħatat fi żmien raġonevoli u l-eżitu analizzajnih bil-qima li jixirqilha kull sentenza li tingħata mill-qrati tagħna. Nafu x’inhuma l-passi li jmiss. Il-perkors legali jibqa’ għaddej sakemm is-sentenza tkun waħda definittiva”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista f’Ħal Għaxaq.

Abela qal li waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdet minn numru ta’ Ministri ftit sigħat wara s-sentenza kienet proprju li jiddaħħal rikors biex il-perjodu tal-appell jiqsar biex jekk kemm-il darba Stewards jappellaw, allura dan isir fl-iqsar żmien possibbli. Ir-rikors se jkun qiegħed jinstema’ l-Erbgħa li ġej. Barra minn hekk, jekk ikun hemm appell, il-gvern se jagħmel talba oħra biex dan jinstema’ b’urġenza. 

“Se noffru ċertezza legali u jkun xi jkun l-eżitu, l-isptarijiet jiġu lura f’idejn il-gvern minnufih u l-gvern ikun jista’ jimplimenta l-viżjoni li għandu għal dawn l-isptarijiet”, tenna l-Prim Ministru.

Abela kompla biex jgħid li għada se jkun qiegħed isir dibattitu dwar dan is-suġġett fil-parlament anke fuq talba tal-gvern stess u dan jikkonferma kemm l-istess gvern mhux jiddejjaq jitratta dan is-suġġett fuq il-mejda.

Huwa għal darba oħra offra serħan il-moħħ fuq il-fatt li kull deċiżjoni li tittieħed se tkun xprunata mill-interess nazzjonali. Sostna li l-impjiegi kollha tal-impjegati li jaħdmu fl-isptarijiet huma garantiti u li s-servizz tas-saħħa li jingħata f’dawn l-isptarijiet jibqa’ jingħata b’mod normali.

Ekonomija

Sport