Tuesday, December 24, 2024

Il-PM isostni li l-prinċipji ewlenin tal-emenda fil-kodiċi kriminali mhux negozjabbli

Ikompli jisħaq li din mhix emenda li se tintroduċi l-abort f’pajjiżna

Aqra wkoll

Wara li fil-Parlament ittieħed vot fl-istadju tat-tieni qari fejn ġiet approvata l-emenda fil-kodiċi kriminiali, il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti lill-ġurnalisti qal li bil-vot li ttieħed mhux se jkun hawn liġi f’Malti li tagħti d-dritt għal abort. Il-Prim Ministru sostna li l-prinċipju jibqa’ wieħed li fejn il-fetu huwa vijabbli dan għandu jitwelled dejjem u f’kull ċirkostanza.

Kemm-il darba l-Prim Ministru sostna li fi stadju li jmiss – fi stadju ta’ kumitat – jista’ jkun hemm kjarifiċi li wieħed jista’ jiddiskuti però l-prinċipji ewlenin tal-emenda mhux se jkunu negozjabbli.

Hekk kif ħareġ mill-Parlament, il-Prim Ministru Abela sostna li l-vot meħdu se jwassal għal emenda waħda fil-kodiċi kriminali f’ċirkostanzi estremi fejn għandek periklu għal ħajjet l-omm jew riskju gravi għal saħħitha.

Hu qal li b’dan il-mod l-Istat se jkun qiegħed jagħti l-protezzjoi lill-omm kif ukoll lit-tobba u huma biss f’dawn “iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali meta saħħet jew ħajjet l-omm ikunu fil-periklu hemm tkun tista’ tiġi terminata. It-tqala tiġi terminata biss f’ċirkostanza fejn il-fetu ma jkunx vijabbli jiġifieri l-prinċipju jibqa’ li fejn għandek fetu li jista’ jitwieled u jgħix hemhekk għandu jitwieled.”

Għal darb’oħra l-Prim Ministru saħaq li jeħtieġ li jkun ċar dwar il-punt li din mhix emenda li b’xi mod se tkun qed tintroduċi l-abort f’pajjiżna. Huwa qal ukoll li jemmen li l-protezzjoni tal-omm f’ċirkostanzi estremi huwa prinċipju li ma jistgħux jidderogaw minnu.

Huwa madanakollu qal li jekk hemm lok għal aktar kjarifiċi issa li l-proċess jibqa miexi ‘l quddiem dawk l-istess kjarifiċi jistgħu jipprovduhom iżda dawk iż-żewġ prinċipji msemmija aktar qabel huma inderogabbli għax il-gvern jemmen bis-sħiħ favur il-mara.

Ekonomija

Sport