Friday, November 22, 2024

Il-PM isostni li waħda mill-ikbar sfidi hija r-riżorsa umana biex timplimenta għax l-investiment qiegħed hemm

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Laqgħa pożittiva li turi kemm hu importanti d-djalogu soċjali. Djalogu li ffoka prinċipalment fuq is-settur tal-enerġija. Fuq livell Ewropew ilna niddiskutu dwar il-kriżi enerġetika iżda li ħadt gost nara lbieraħ kienet is-sinerġija bejn dawk preżenti b’għan wieħed favur l-interess nazzjonali.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq One Radio fejn iddiskuta diversi temi fosthom il-laqgħa tant meħtieġa mal-MCESD li saret ilbieraħ.

Dr Abela qal ukoll li l-pjan li ġie diskuss ilbieraħ ma bediex lbieraħ, iżda huwa pjan li beda jiġi implimentat fl-aħħar xhur. Fakkar fil-pjan ta’ €90 miljun fuq medda ta’ sitt snin u li magħhom żdiedu €70 miljun oħra mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan kien imqassam skont it-tbassir li l-esperti bdew jgħidu fejn tidħol żieda fit-temperatura u effetti estremi tal-klima.

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li l-ikbar sfida hija r-riżorsa umana u li jkollna biżżejjed nies biex jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr dan il-proġett u mhux maġġorment relatati mal-investiment għax dan qiegħed hemm u tħabbar minn xhur ilu. 

Il-Prim Ministru qal li għall-Kap tal-Oppożizzjoni ma teżistix il-problema tat-tibdil fil-klima u għalhekk m’għandux kredibbiltà. 

Dr Abela qal li l-gvern jista’ jagħżel li jgħid li se jsaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’pajjiżna u jieqaf hemm, iżda pajjiżna qed jagħżel li jwaqqaf awtorità mwaqqfa apposta biex tqajjem kuxjenza dwar l-effetti jekk wieħed jagħżel li jibqa’ plaċidu u ma jagħmel xejn. 

Mistoqsi rigward il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma kienx pożittiv dwar il-laqgħa tal-bieraħ, il-Prim Ministru qal li bħalma għamel f’diversi avvenimenti nazzjonali fl-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista għażel il-prinċipju tal-partiġjaniżmu.

“Mal-Partit Nazzjonalista għandek żewġ ċertezzi fejn tidħol l-enerġija. L-ewwel – kontijiet ogħla għax inħallu s-suq isuq, jogħlew barra u jogħlew Malta. Jekk tħalli s-suq isuq kollox jogħla u jispara ‘l fuq. Qalulna wkoll li l-għajnuna mhux sostenibbli u ma naqbel magħhom xejn. Din il-ġimgħa stess aħna għażilna li nerfgħu l-piż tal-kontijiet filwaqt li nagħmlu l-investiment meħtieġ … It-tieni ċertezza hija l-inkonsistenza għax kulma jipproponu llum, sitt xhur oħra jinbidel”, kompla biex jgħid Dr Abela.

Rigward l-inkjesta JeanPaul Sofia, il-Prim Ministru qal li hu ta l-kelma li jippubblika b’mod sħiħ ir-rapport u meta jagħti kelma hu jżommha għax determinat li ma jkun hemm l-ebda ħabi biex tkun tista’ ssir ġustizzja.

“Qed nuru li ċertu attitudnijiet tal-passat m’għadhomx aċċettabbli. Nuqqas ta’ rispett lejn il-ħaddiema jew l-ġirien mhux aċċettabbli. Il-liċenzjar tal-kuntratturi b’multi, sospenzjoni u anke teħid tal-liċenzja huma fost pieni oħra. Daħħalna konsultazzjonijiet oħra dwar il-liċenzjar tal-bennejja biex tiżdied is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Mhux se jkun hemm kompromessi mal-kwalità u ż-żamma tas-saħħa u s-sigurtà għax dan il-pajjiż kellu wisq fatalitajiet … 120 fatalità huma ħafna u l-bidliet fid-direzzjoni kienu inevitabbli”, sostna l-Prim Ministru filwaqt li kompla jenfasizza dwar iż-żieda fl-infurzar meħtieġa minħabba dawk li ma kinux lesti jżommu d-dixxiplina. 

Dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista dejjem jaħdem favur Malta u mhux skont kif jaqbel. Huwa faħħar l-erba’ ewroparlamentari Laburista li qed jagħmlu xogħol siewi ħafna. Rigward il-kandidati għall-elezzjonijiet tas-sena li ġejja, il-Prim Ministru qal li jeħtieġ li dawn jagħrfu l-aspettazzjonijiet tan-nies.

Sport