Sunday, November 24, 2024

Il-PM iżur expo xhieda tal-qalba diġitali li qed jagħmel pajjiżna

Aqra wkoll

Meta żar l-ewwel edizzjoni tat-TECHXPO, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar kemm l-iżvilupp teknoloġiku u diġitali huwa ċentrali fit-tranżizzjoni ekonomika lejn iktar kwalità li għaddej minnha pajjiżna. Negozji li jħaddnu dan il-prinċipju se jsibu lill-gvern jinċentivahom u jappoġġahom biex pajjiżna jibqa’ fuq quddiem nett fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità.

L-expo, li qeda tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali, hija xhieda ħajja ta’ kemm pajjiżna għandu u qed jattira kumpaniji li huma pijunieri fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali u ta’ teknoloġiji innovattivi.

Kumpaniji internazzjonali bħal Baxter, Toly, ST Microelectronics, Methode u tant oħrajn huma lkoll parteċipi f’din l-expo.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li tara taħt saqaf wieħed tant kumpaniji li jinsabu f’Malta u li jagħmlu komponenti varji għal tant ditti magħrufa madwar id-dinja. Dan huwa s-suċċess ekonomiku tagħna, iżda iktar minn hekk huwa settur fejn Malta se tkompli tikber għax kienet innovattiva, u fuq quddiem nett bl-inizjattivi li ħadet inkluż fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali,” qal il-Prim Ministru Robert Abela li fl-aħħar jiem żar postijiet tax-xogħol li joffru karrieri f’dan is-settur.

Fl-aħħar għaxar snin l-ekonomija ta’ pajjiżna għamlet passi kbar ’il quddiem u llum pajjiżna huwa fost dawk li jirreġistraw l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Iżda, kien spjegat li pajjiżna la qatt straħ u lanqas se jistrieħ fuq is-suġġett. Pajjiżna kien minn ta’ quddiem nett u ħa inizjattivi qabel pajjiżi oħra fejn għandu x’jaqsam, fost oħrajn, regolamentazzjoni fuq dawk li għandhom x’jaqsmu assi virtwali u teknoloġiji blockchain, bidla li issa qed tiġi adottata mal-Ewropa kollha.

Fil-fatt, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri spjega li filwaqt li għaddejja din l-expo f’pajjiżna, se jkunu qed jiltaqgħu ministri ta’ pajjiżi stati membri tal-UE tal-Mediterran għal-laqgħa tal-MED9 fuq l-Intelliġenza Artifiċjali.

Dan filwaqt li nhar il-Ħamis 21 ta’ Settembru, TECHXPO se tkun miftuħa għall-pubbliku bla ħlas. Din hija opportunità unika speċjalment għall-familji bi tfal u għaż-żgħażagħ li jistgħu jaraw l-opportunitajiet fil-qasam teknoloġiku li joffri dan il-pajjiż.

Il-Prim Ministru Abela kien akkumpanjat ukoll mid-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Roberto Viola, mis-Segretarju Prinċipali Permanenti Tony Sultana u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Ronald Mizzi.

Sport