Friday, November 15, 2024

Il-PM iżur l-iskola għal tfal bl-awtiżmu fir-Rabat

Aqra wkoll

L-inklużjoni ma tfissirx biss għarfien, iżda tfisser li b’mod tanġibbli kull persuna jkollha l-opportunità li tuża l-abbiltajiet biex timraħ u tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fl-iskola għal tfal bl-awtiżmu Hand-in-Hand fir-Rabat akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela.

Din l-iskola toffri programm ta’ terapija bbażat fuq Applied Behaviour Analysis (ABA) għal tfal bl-awtiżmu, li huwa mmirat biex dawn it-tfal ikollhom mhux biss ħiliet soċjali iżda ukoll ħiliet li bihom ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti. Bil-Gvern qiegħed jiffinanzja dan is-servizz speċjalizzat li qed toffri din l-iskola.

Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li qegħda titwettaq mit-tmexxija u l-ħaddiema ta’ din l-iskola li qegħda tinvesti b’dedikazzjoni fl-abbiltajiet tal-istudenti f’ambjent addattat. Minn proġett pilota ta’ suċċess, għal skola li fi kliem il-ġenituri qed tagħmel differenza fil-kwalitá tal-ħajja ta’ uliedhom.

Prinċipji li jemmen fihom dan il-Gvern u li qed jirrifletti f’ħidma fosthom bit-tisħiħ tal-carer’s grant u l- investiment f’assistenti personali biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jgħixu fis-socjetá b’mod aktar indipendenti. Dan filwaqt li l-Gvern qed jintroduċi ukoll skemi u servizzi aktar speċifiċi fosthom l-iskema “Sensability” li toffri assistenza finanzjarja biex il-familji jkunu jistgħu jagħmlu sensory room f’darhom.

Miżuri mfassla mill-esperjenzi tal-familji li se jkomplu jsibu l-investiment u l-appoġġ mill-Gvern.

Ekonomija

Sport