Friday, May 3, 2024

Il-PM iżur żgħażagħ f’residenza ta’ Aġenzija Sapport fil-qalba tal-komunità

Aqra wkoll

Il-ħajja u s-sehem attiv fil-komunità huma t-triq ’il quddiem biex niżguraw inklużjoni vera għall-ġid komuni.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela fi żjara li għamel f’Dar Warda Pembroke, dar residenzjali fil-komunità li fiha jgħixu erba’ żgħażagħ b’diżabilità.

Żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u d-19-il sena, li bis-sostenn li qed jingħataw mis-support workers ta’ Aġenzija Sapport, qegħdin jgħixu fost il-komunità filwaqt li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Dan billi qegħdin jingħataw attenzjoni individwali skont il-ħiliet tagħhom u dak li huwa ta’ interess għalihom. Tispikka wkoll il-preparazzjoni li dawn iż-żgħażagħ, f’ambjent ta’ familja, qegħdin jingħataw biex dejjem isiru aktar indipendenti. Fost oħrajn, akkumpanjati mis-support workers, kull ġimgħa jmorru jagħmlu x-xirja għall-bżonnijiet ta’ kuljum jew għal affarijiet oħra li jkollhom bżonn. Qegħdin jilħqu wkoll l-aspirazzjonijiet tagħhom billi jingħataw sostenn biex jitħarrġu f’dak li jinteressahom. Minn sapport lil dawk li qegħdin jistudjaw, għal dawk li jispikkaw fit-tpinġija jew sport bħal dak tal-għawm.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon, waqt żjara f’din ir-residenza akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li b’dawn ir-residenzi fil-komunità, mhux biss qegħdin noffru ambjent xieraq lil dawn it-tfal u żgħażagħ fl-ibliet u fl-irħula tagħna, iżda qegħdin ukoll ninvestu fl-abbiltajiet tagħhom biex ikomplu mixjin ’il quddiem u jwettqu l-ħolm tagħhom.

Sostna li għal dan il-gvern id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità huma marbutin mal-ugwaljanza, u minkejja li fost oħrajn żdiedet ir-rata ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna u għalhekk ser inkomplu nistinkaw sabiex kull persuna b’diżabilità tingħata l-appoġġ kollu li jeħtiġilha. Żied jgħid li filwaqt li qegħdin inkomplu nżidu dawn it-tip ta’ djar fil-komunitajiet, qegħdin ninvestu wkoll f’servizzi ġodda fosthom dak ta’ assistent personali li qegħdin iħallu lil dawn it-tfal u żgħażagħ jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha.

Fil-fatt, din id-dar hi waħda min-numru ta’ postijiet li l-aġenzija tmexxi fil-komunità f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex bis-servizz ta’ Supported Independent Living, liema proġett kien ċentrali fil-politika tal-gvern għall-inklużjoni, fl-aħħar snin. B’dan is-servizz hu intenzjonat li joffri spazji aċċessibbli u ambjent fejn persuni b’diżabilità jistgħu jakkwistaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom billi jsegwu pjanijiet individwalizzati mħejjija għalihom skont ix-xewqat u l-bżonnijiet tagħhom sabiex eventwalment huma jkunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti. B’total ta’ 90 persuna b’diżabilità fil-preżent qed jibbenefikaw minn dawn il-programmi tranżitorji fuq bażi ta’ għajxien indipendenti waqt li Aġenzija Sapport għaddejja b’ħidma sabiex jinfetħu aktar faċilitajiet tranżitorji, fosthom f’Ħal Kirkop u l-Qrendi filwaqt li dar f’Ħad-Dingli ser tkun qed tinfetaħ biex tintuża għal servizzi ta’ respite.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna.

Sport