Friday, May 17, 2024

Il-PM jagħti kelma lill-bdiewa li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għalihom

Aqra wkoll

“Jien ma waqaftx ma’ status fuq Facebook. Mort niltaqa’ mal-bdiewa u għall-kuntrarju ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni, il-bdiewa tkellmu miegħi dwar kif ma pprotestawx kontra l-Gvern. Speċifikaw li d-dwejjaq tagħhom hu immirat lejn regoli bla sens. Jien tajt il-kelma li l-Gvern hu ta’ spalla magħhom u se jibqa’ hekk kull meta għandhom bżonn.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem fuq diversi temi fosthom is-settur tal-biedja. Dr Abela beda biex fakkar kif huwa kien mar jitkellem mal-bdiewa u r-raħħala direttament, anke jekk id-dwejjaq tagħhom kien marbut mar-regoli li huma mfassla mill-Kummissjoni Ewropea.

“Jiena nemmen b’konvinzjoni fi prinċipju wieħed. Dak li s-settur għandu bżonn is-sostenn tagħna, b’għajnuna li twittilu t-triq biex ikompli jikber. U huwa dak li għamilna bħala Gvern matul l-aħħar snin. Konna ta’ spalla biex is-settur tajnieh għajnuniet li qatt ma ra bħalhom qabel,” qal il-Prim Ministru. 

Dr Abela semma kif bejn l-2019 u l-2023, il-Gvern investa 79 miljun ewro direttament f’għajnuniet lis-settur biex il-bdiewa u r-raħħala jinvestu f’makkinarju, inġenji u binjiet li huma neċessarji għall-operat tagħhom. 

Huwa qal ukoll li nnegozjaw b’suċċess biex parti sostanzjali mill-allokazzjoni rekord ta’ fondi għal pajjiżna, u li tiżboq iż-żewġ biljun ewro, tinkludi ‘l fuq minn 190 miljun ewro immirati li jgħnu lis-settur tal-agrikolutra fil-perjodu 2021-2027.

“B’din l-għajnuna, l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa tela’ minn 30 ewro għal kull tomna, għal 84 ewro għal kull bidwi, b’nefqa totali ta’ madwar 15-il miljun ewro. Se ngħinu lill-bdiewa żgħażagħ, b’inċentiv ta’ 60 ewro għal kull tomna raba li jaħdmu, għall-produzzjoni tal-prodott organiku.”

“Apparti minn hekk, innegozjajna wkoll b’suċċess skema ta’ Coupled Income Support għar-raħħala u s-settur tat-tadam – nefqa ta’ tliet miljun ewro minn fondi Ewropej, li se tkun kruċjali, speċjalment għal Għawdex. 

“Dan biex ma nsemmux li fl-2023, saru investimenti ta’ 21 miljun ewro biex bdiewa investew fi proġetti f’żoni rurali, liema nefqa se titla’ għal 25 miljun ewro fis-sena 2024. 

“Hemm eżempji oħra ta’ għajnuniet li tajna fosthom bħala parti mill-pjan ta’ rkupru mill-pandemija. Hawn tajna għotjiet diretti li jammontaw għal 3.5 miljun ewro lill-bdiewa u tmien miljun ewro lir-raħħala tal-bhejjem. Dawn jingħaqdu ma’ skemi oħra bħal tal-fertilizzant u dawk li bihom indirizzajna l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna,” żied jispjega l-Prim Ministru. 

Ma’ dawn, il-Prim Ministru Robert Abela qal li wieħed irid iżid riformi jew proġetti strutturali li għandhom jagħmlu differenza kbira fosthom ir-riforma tal-qbiela, ir-riforma tal-kirjiet agrikoli u l-fidi taċ-ċnus u l-estensjoni fin-network tan-New Water.

Sport