“Kienet deċiżjoni li ċċertifikat li dak li qalet l-Oppożizzjoni f’dawn l-aħħar xhur, li Steward ħarbu minn Malta b’€400 miljun, hi gidba ċara. 200 faċċata ta’ deċiżjoni li jikkonfermaw b’diversi istanzi li għal kull ċenteżmu li l-Istat Malti ħallas, ħa lura b’servizzi li t-Tribunal jiċċertifikahom li huma ta’ kwalità tajba.”
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta aktar kmieni fil-Parlament ġiet diskussa s-sentenza maħruġa mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ fir-rigward tal-proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali li jinvolvu lil Steward Healthcare, deċiża taħt ir-Regoli tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC). Id-diskussjoni nbdiet wara mozzjoni li tressqet mill-Gvern, permezz tal-Whip Naomi Cachia, fil-bidu tas-seduta.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Istat Malti ħallas għas-servizz li ġie provdut minn Steward fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, f’Karin Grech u fl-Isptar San Luqa. “Aħna konna marbutin li nħallsu tas-servizz u dak is-servizz ingħata kollu.”
Il-Prim Ministru nnota wkoll li t-Tribunal rrikonoxxa li Malta rċeviet valur ġust għas-servizzi mwettqa minn Steward u għall-ħlasijiet li saru mill-Gvern ta’ Malta taħt il-konċessjoni. Huwa żied jgħid li l-Oppożizzjoni issa ħarġet b’ċifra ġdida, dik ta’ €488 miljun, li ddeskriviha bħala “gidba ikbar din.”
Il-Prim Ministru tenna: “ili minn dakinhar li nfetaħ l-Arbitraġġ fl-2023, kont għamilt stedina lill-Oppożizzjoni, lil Adrian Delia wkoll, lest inżommok infurmat bl-arbitraġġ fil-limiti li żżomm il-kunfidenzjalità. Setgħu kif għamel ħaddieħor jintervjenu fl-arbitraġġ u jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom, iżda m’għamluhiex. Meta jien kont immur għandkom u ngħidilkom lest inżommkom aġġornati, qatt m’aċċettajtuha dik l-offerta daqskemm qatt m’aċċettajtu li tipparteċipaw fl-arbitraġġ. Għaliex m’aċċettajtux? Ir-raġuni ovvja. Għax kontu tafu minn qabel l-effetti tar-rexxissjoni u tal-annullar tal-kuntratt fejn kienu se jwasslu. Kontu tafu li quddiem Tribunal magħmula minn tliet arbitri ta’ reputazzjoni internazzjonali mhux se tmur tbellgħalhom ħrafa ta’ €400 miljun u jibilgħuha,” qal il-Prim Ministru. “L-aktar ħaġa importanti hi li l-element fiskali, l-element tat-taxxi tal-poplu tagħna, irnexxielna niżguraw li ma kienx hemm ċenteżmu tan-nies li ntefaq għalxejn. Dik għaliha hi kwistjoni kruċjali.”
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħabbar li se jkun qiegħed jitfassal masterplan dwar kif għandhom jiġu ri-żviluppati dawn it-tliet sptarijiet.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li tgħid x’tgħid l-Oppożizzjoni, din id-deċiżjoni tikkonferma li l-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet, għadha u se tibqa’ msejsa fuq dik li sejħilha “gidba” li issa ġiet iċċertifikata minn din l-istituzzjoni internazzjonali li quddiemha sar dan l-arbitraġġ internazzjonali.”
Il-Ministru Attard spjega li l-kawża li kien ressaq l-Onor. Adrian Delia quddiem il-Qrati Maltin wasslet biex il-kuntratti jitqiesu nulli mill-bidu nett. Dan ifisser li l-Gvern ma setax jitlob kumpens fuq kuntratti li kienu ġew imħassra.
“Meta kuntratt jiġi dikjarat null, ifisser li minn dak li għedna m’hemm xejn u skont il-liġi ż-żewġ naħat iridu jiġu għall-istat li kieku, daqslikieku l-kuntratt qatt m’eżista u għalhekk m’hemmx dritt għad-danni u kull parti trid tiġi lura għal fejn kienet qabel il-kuntratt,” kompla jispjega l-Ministru Attard.
Huwa tenna jgħid li l-fatti kienu ċari: “L-ebda frodi ma nstabet la mill-Qorti tal-Appell u wisq inqas mit-Tribunal Internazzjonali li ppresjeda fuq dan l-Arbitraġġ. L-ebda ħlas ma sar għal xogħlijiet infrastrutturali li ma sarux u li l-ħlasijiet kollha għas-servizzi tas-saħħa gawdew minnhom eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.”
Fl-istess dibattitu tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, li qal li mid-deċiżjoni tat-Tribunal Internazzjonali joħroġ li l-uniku tellief f’din is-saga kien il-poplu Malti u Għawdxi. “Aħna rridu li dak li ġie mwiegħed jiġi investit,” qal Dr Borg.

