Monday, October 13, 2025

Il-PM jinawgura ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran

Investiment favur sistema tas-saħħa moderna fil-qalba tal-komunità

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali, Ċensu Moran, l-ewwel sptar sekondarju fuq il-gżejjer Maltin, li sar b’investiment ta’ madwar €50 miljun. Dan iċ-ċentru jkompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa pubblika f’pajjiżna, filwaqt li jpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern għal sistema tas-saħħa moderna u aċċessibbli għal kulħadd fil-qalba tal-komunità.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran jinkludi sitt sulari mediċi u tliet sulari tekniċi. Il-faċilità diġà ilha numru ta’ ġimgħat topera, fejn qed jiġu offruti ’l fuq minn 50 servizz mediku differenti lil eluf ta’ pazjenti, inklużi dawk tal-‘out-patients’ bħall-podjatrija, fiżjoterapija, klinika tal-mediċina respiratorja u servizzi tal-immunoloġija. Il-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru tas-saħħa reġjonali issa qed jinqdew f’ambjent modern u komdu, mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell. “Din mhux biss binja ġdida, imma dikjarazzjoni ta’ viżjoni nazzjonali, dik ta’ pajjiż li jrid jagħti lil kulħadd aċċess għal kura moderna, dinjituża u effettiva”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. 

Huwa rrimarka kif Malta bħalissa tinsab fost il-pajjiżi bl-ogħla livell ta’ fiduċja fis-servizzi pubbliċi tas-saħħa. Minkejja dan, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern impenjat li jibqa’ jinvesti fis-settur tas-saħħa biex din il-fiduċja tkompli tiżdied. “Meta ninvestu fis-saħħa, qegħdin ninvestu fil-futur ta’ Malta”, żied jgħid Dr Robert Abela fuq dan iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali msemmi għal eks Ministru tas-Saħħa li ta kontribut qawwi fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna. 

Dan l-isptar jifforma parti minn viżjoni usa’ għall-modernizzazzjoni tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna, flimkien mal-investimenti li qed isiru fiċ-ċentri tal-kura primarja, is-servizzi tas-saħħa mentali, u s-sistemi diġitali mediċi. “Il-ħsieb tagħna hu wieħed: li nibnu sistema tas-saħħa dejjem aktar b’saħħitha, reżiljenti, inklussiva u aċċessibbli. Sistema ta’ kwalità, imma fuq kollox sistema li żżomm il-bniedem fiċ-ċentru tagħha”, temm jgħid il-Prim Ministru Abela.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Dr Jo Etienne Abela rringrazzja lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi FMS u lill-kuntratturi varji li ħadmu bla heda sabiex jitwassal il-proġett bit-tagħmir u ċ-ċertifikazzjonijiet neċessarji. Dr Abela saħaq li ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran huwa proġett ħaj bħas-servizzi li joffri. “Dan iċ-Ċentru huwa uniku għax joffri kollaborazzjoni ta’ servizzi tas-saħħa fil-kura primarja, sekondarja u terzjarja”. Il-Ministru tkellem dwar is-servizzi tas-saħħa tal-ġurnata (out-patients u day cases), li qegħdin jiġu introdotti b’ritmu mgħaġġel taħt id-direzzjoni tal-Kura Sekondarja. Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq li ċ-ċentru reġjonali huwa kruċjali sabiex l-Isptar Mater Dei jkompli jiffjorixxi bħala sptar ta’ in-patients. “Jiena ċert li dan huwa biss il-bidu ta’ żvilupp sabiħ għall-ġid taċ-ċittadini ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport