“Iżjed ma tkomplu tinvestu, iżjed se ssibu amministrazzjoni li tappoġġakom” – il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ewwel reserve bar tax-xorta tiegħu f’pajjiżna flimkien ma’ boutique hotel fil-qalba tal-belt kapitali.
Operata lokalment mill-Grupp db, il-kumpanija internazzjonali Starbucks reġgħet għażlet mill-ġdid lil pajjiżna biex tespandi s-servizzi tagħha permezz ta’ reserve bar li se joħloq 20 impjieg ġdid u li jagħmel parti mill-inawgurazzjoni tal-lukanda Melior, b’investiment ta’ €2 miljun u mgħammra bi 18-il kamra.
Ir-Reserve Bar se joffri opportunità lil klijenti lokali u internazzjonali jesperjenzaw kwalità għolja u unika ta’ kafè minn 30 pajjiż madwar id-dinja, permezz ta’ teknoloġija u ta’ makkinarju tal-ogħla livell imħaddma minn baristi b’ħiliet mill-aqwa.
Waqt l-inawgurazzjoni fil-bidu ta’ Triq ir-Repubblika, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar sentejn tajna fiduċja u għajnuna lis-settur, għax nafu kemm l-investituri kienu se jużaw dik l-għajnuna mhux biss biex jgħixu iżda biex jinvestu iktar.
F’dan il-kuntest, Dr Abela indirizza direttament it-tmexxija reżiljenti tal-Grupp db. “Żammejtu l-ħaddiema imma ma kkuntentajtux b’hekk. Kabbartu iktar, impjegajtu iktar. Tajtuna raġun meta għażilna li ninvestu fin-negozji u li nsalvaw l-impjiegi permezz ta’ miżuri ewlenin bħalma hija l-wage supplement.”
Il-prim ministru elenka żewġ fatturi li spikkaw fl-inawgurazzjoni: il-ħila tal-investitur Malti u l-aspett internazzjonali. “Hekk tgħollu l-livell mhux biss tal-kumpanija tagħkom, iżda anke tal-prodott Malti,” qal Dr Abela.
“Pajjiżna qed ikompli fit-triq tal-irkupru, grazzi għal negozji bħalkom ukoll. Iktar ma tkunu lesti biex tinvestu iktar se ssibu amministrazzjoni li tappoġġakom biex toħolqu x-xogħol u l-opportunitajiet,” ikkonkluda l-prim ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li inawgurazzjoni bħal din hija ċelebrazzjoni ħajja ta’ investiment u ta’ opportunitajiet.
“Ta’ sodisfazzjon ninnota li s-settur tal-ospitalità huwa pożittiv, fiduċjuż u entużjast li jkompli jinvesti fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Ir-rikjesti tat-turisti tal-lum qegħdin jinbidlu b’mod kontinwu, għalhekk huwa importanti li l-gvern ikompli jinvesti fl-infrastruttura turistika, isaħħaħ il-manutenzjoni u l-indafa pubblika u jkompli jinċentiva lin-negozji Maltin u Għawdxin għat-triq tas-suċċess,” qal il-Ministru Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp dB, Robert Debono, qal li l-fiduċja tiegħu biex il-grupp jinvesti f’dan il-pajjiż hija qawwija iżjed minn qatt qabel. “Il-fiduċja f’Malta li wrejna fil-passat erġajna wrejnieha bil-fatti matul dawn is-sentejn ta’ pandemija. Xorta bqajna niftħu r-ristoranti ta’ kwalità, ma tlifniex ħaddiema, iddiversifikajna l-operat tagħna u ftaħna erbgħa mis-seba’ stabbilimenti ta’ Starbucks; tnejn minnhom f’Diċembru li għadda,” semma s-Sur Debono.
L-istabbiliment inawgurat huwa wkoll l-ewwel tax-xorta tiegħu fid-dinja.
“Infatti, dan huwa l-ewwel Starbucks fid-dinja b’żewġ stabbilimenti f’wieħed: Starbucks Core, jiġifieri bħal dawk li diġà ftaħna madwar Malta, imżewweġ ma’ Starbucks Reserve,” ikkonkluda s-Sur Debono.