Sunday, November 24, 2024

Il-PM jisħaq dwar l-bżonn ta’ għaqda kontra t-tniġġiż “qabel ikun tard wisq”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza s-76 laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lill-mexxejja sabiex jingħaqdu u jersqu ’l quddiem bi pjanijiet biex juru d-determinazzjoni u l-impenn tagħhom biex l-irkupru mill-pandemija jkun wieħed b’saħħtu u li jwassal għal dinja aktar ugwali, inklusiva, reżiljenti u sostenibbli.

Il-Prim Ministru ta’ Malta ddedika parti mid-diskors tiegħu dwar it-tibdil fil-klima. Saħaq li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom sfidi akbar biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Kien hawn li semma li pajjiżna, bħala membru prospettiv fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023 u l-2024, se jimbotta iżjed ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà. Dan għaliex it-tibdil fil-klima qed thedded l-eżistenza ta’ ċertu pajjiżi u għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni qabel ikun tard wisq.

Il-Prim Ministru Malti ħeġġeġ ukoll lill-kommunità internazzjonali biex tgħin lil-Libja ħalli t-tranżizzjoni politika tgħin fl-iżvilupp tal-pajjiż, il-kontinent Afrikan u l-bqija tad-dinja. Abela insista wkoll li n-Nazzjonijiet Maqgħuda trid tassigura li l-Afganistan ma jerġgħax jintuża bħala bażi għal xi għaqda terroristika.

Abela ma naqasx milli jippreżenta l-viżjoni ta’ pajjiżna jekk kemm-il darba Malta tiġi fdata biex isservi fil-Kunsill tas-Sigurtà għas-sena 2023-2024. Sostna li jekk dan iseħħ, it-tfal u l-kunfltti bl-armi jkunu qegħdin jingħataw prijorità. Barra minn hekk pajjiżna se jkun qiegħed jappoġġja lin-Nazzjonijiet Uniti bħala membru newtrali li jfittex li madwar id-dinja jkun hawn il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali. Huwa temm jgħid li Malta se tibqa’ tenfasizza li tagħti vuċi liż-żgħażagħ u lin-nisa u tara li li dawn ikunu parti mill-binja ta’ soċjetà ġusta u inklusiva.

Sport