Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, ħa sehem fil-Kunsill tas-Soċjalisti Ewropej (PES) bit-tema ‘Fairness, Sustainanability, Respect.’
Il-Kunsill, li ltaqa’ fi Brussell, ġabar flimkien diversi Prim Ministri, Kummissarji Ewropej u mexxejja ta’ Partiti Soċjalisti Ewropej bil-Prim Ministru Abela jieħu sehem f’diskussjoni mal-Prim Ministri tal-Ġermanja, Spanja, l-Isvezja, il-Portugall u l-Fillandja.
Fil-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar il-prijorità ambjentali biex tkun miġġielda din l-isfida globali tal-bidla fil-klima u kif din għandha ssir b’mod ġust.
“L-2050 nistgħu narawh ‘il bogħod u t-tentazzjoni tista’ tkun li nieħdu l-affarijiet bil-mod. Iżda, irridu nirealizzaw li l-bidla fil-klima tinsab magħna u rridu naġixxu,” sostna l-Prim Ministru Abela.
Billi uża l-esperjenza ta’ Malta fisser kif il-gvernijiet jistgħu jinċentivaw bil-kbir lil min jagħmel l-għażliet ambjentali filwaqt li jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli. Spjega kif f’Malta dan hu kumplimentat minn għadd kbir ta’ proġetti maġġuri li jibdlu l-mod kif tiġġi ġġenerata l-enerġija, taħdem l-industrija u kif mistennija jonqsu l-emissjonijiet u l-iskart jinbidel f’riżorsa.
“Ejja nifhmu l-aspett soċjali. Irridu nifhmu li għad hemm nies li ma jifilħux jagħmlu din it-tranżizzjoni. Kien għalhekk meta għamilna l-budget nazzjonali żammejna f’moħħna li għad hemm nies li minkejja l-inċentivi li għamilna jkun hemm min ma jimmaniġjax u għalhekk ħadna miżuri bħal trasport pubbliku b’xejn,” sostna l-Prim Ministru.